Residenti tal-Baħrija qed jilmentaw mal-awtoritajiet wara li medda vasta ta’ art f’sit magħruf bħala Ta’ Namura, fil-Baħrija inqerdet f’nar li allegatament tqabbad apposta. Din iż-żona tinsab f’sit protett u barra miż-żona tal-iżvilupp minħabba l-importanza ekoloġika tagħha.
Il-mod kif żviluppa dan in-nar qed iqajjem suspett li dan ma kienx każ aċċidentali iżda li tqabbad apposta biex is-siġar tal-ħarub jinqerdu. Dan joħroġ minn ittra li residenti tal-Baħrija bagħtu lill-ambjentalist Alan Deidun, li min-naħa tiegħu għaddiha wkoll lill-awtoritajiet kompetenti.
Fl-ittra tar-residenti jingħad li dan in-nar, li seħħ fl-4 ta’ Ġunju li għadda, isegwi każ ieħor li kien seħħ fl-2014 eżattament fl-istess post. In-nar infirex malajr ħafna u mill-post dehret tiela’ daħna folta tant li wħud mir-residenti kellhom joħorġu minn djarhom minħabba d-duħħal li daħal fir-residenzi tagħhom.
Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava minħabba d-dewmien biex fuq il-post waslu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili. Dan minħabba li t-triq għall-Baħrija ilha iktar minn sena magħluqa, bit-toroq alternattivi li huma dojoq wisq. Dan wassal biex illejla se ssir protesta mir-residenti tal-Baħrija, fejn se jilmentaw minn dewmien esaġerat biex isir il-proġett tat-triq tal-Baħrija.
Wara kważi tliet kwarti waslet l-ewwel vettura tat-tifi tan-nar, iżda kien hemm bżonn tlieta oħra biex jiġi kkontrollat in-nar. L-għada fl-istess żona ġew irrapurtati każi oħra ta’ ħruq u mill-ġdid intbagħtet vettura oħra tat-tifi tan-nar.
“Iż-żona għal diversi drabi kienet fil-mira tal-vandaliżmu u nemmnu li xi ħadd qed jagħmel dan apposta biex jeqred il-valur ekoloġiku taż-żona u jiżviluppaha,” qalet ir-residenta li bagħtet l-ittra.
Iktar dwar dan il-każ għada f’In-Nazzjon, b’ritratti esklussivi.
//= $special ?>