Il-Gvern ma jistax imur għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea bil-Ministru Konrad Mizzi u biċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri fil-kariga għax dan il-fatt jikkaġuna ħsara kbir lil Malta.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt Konferenza organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola dwar is-sehem ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Presidenza ta’ pajjiżna s-sena d-dieħla.
Simon Busuttil qal li hu importanti li Malta jkollha suċċess fil-Presidenza għax hu żbaljat minn jaħseb li pajjiż żgħir ma jistax jorganizza l-Presidenza b’suċċess. Din iġġib responsabbiltajiet kbar, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li enfażizza l-importanza li l-pajjiżi ż-żgħar jingħaqdu u jikkoperaw biex iwettqu flimkien.
Hu semma r-Referedum tal-ġimgħa d-dieħla fir-Renju Unit u kkundanna l-qtil tal-Membru Parlamentari Jo Cox. Qal li dak li qed iseħħ fir-Renju Unit hu riżultat tal-kampanji interni li saru kontra l-Unjoni. Fil-Konferenza nżammet ukoll minuta silenzju b’tislima għal Cox.
Il-politiċi ma għandhomx jagħmlu ħsara lill-istituzzjonijiet finanzjarji – Roberta Metsola
Fil-ftuħ tal-Konferenza, Roberta Metsola enfasizzat fuq il-bżonn li politiċi Ewropej ma jagħmlux ħsara lill-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżhom b’referenza ċara għall-kriżi li rriżultat mill-iskandlu tal-Panama Papers. Tkellmet ukoll dwar l-immigrazzjoni u saħqet li l-problema għandha tiġi indirizzata mill-qalba, jiġifieri minfejn qed jaħarbu n-nies.
Fil-Konferenza tkellmu wkoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuinness, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Tonio Fenech, il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU Abigail Psaila Mamo u l-Analista tal-politika internazzjonali Anthony Manduca.
Tkellmu wkoll l-Ambaxxaturi għal Malta tal-Olandiż u tal-Istati Uniti.