Ambjent

Il-PN joffri garanzija għal bilanċ fl-ambjent

Il-politika l-ġdida ambjentali li qed jifforma l-PN hi mibnija fuq il-protezzjoni taż-żoni ODZ, l-iżvilupp tal-art agrikola u l-impenn li l-gvern ikun iktar responsabbli u kontabbli fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Il-PN kompla bil-proċess ta’ djalogu mas-soċjeta, għaqdiet ambjentali u oħrajn involuti fl-ambjent biex jifformola l-politika ambjentali ġdida tiegħu b’laqgħa ma’ numru ta’ għaqdiet volontarji li fiha pparteċipaw il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u x-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Marthese Portelli.

Simon Busutitl tkellem dwar il-proposta tal-PN dwar żvilupp f’żoni ODZ u qal li din il-proposta kienet milqugħa tajjeb ħafna mill-għaqdiet ambjentali. Permezz ta’ din il-proposta l-proposti għal żvilupp f’żona ODZ trid tikseb l-apporvazzjoni ta’ żewġ terzi tad-deputati.

F’każ li dan ma jinkisibx, il-gvern hu obbligat li jerġa’ jressaq il-proposta għat-tieni vot li wkoll irid jikseb żewġ terzi tad-deputati. Jekk lanqas dan ma jinkiseb allura l-gvern ikun jista’ japprova l-proġett ta’ natura nazzjonali b’maġġoranza sempliċi.

Il-Kap tal-PN kompla li l-poltika tal-PN dwar l-ODZ hi biss parti mill-proposti li l-PN qed jagħmel fil-politika ġdida tiegħu dwar l-ambjent. Flimkien ma’ din il-proposta l-PN qed jipproponi wkoll bidla u reviżjoni fl-Isped għaliex dan hu wisq vag fil-kuntest tas-salvagwardji ambjentali.

Filwaqt li sostna li l-PN jemmen f’tolleranza zero quddiem l-abbużi, il-Kap tal-PN sostna li fil-verità kine il-Prim Ministru waħdu li ddeċieda li l-art ODZ fiż-Żonqor tinqered u li fil-Port ta’ Marsaxlokk jitpoġġa tanker tal-gass. Dwar dawn il-proġetti ma saret l-ebda konsultazzjoni pubblika.

Proposta oħra tal-PN hi li l-art ODZ jkollha l-istess valur bħal idk li mhix ODZ biex b’hekk ħadd ma jabbuża minn art ODZ.

Il-PN jemmen kuoll li fl-art ODZ il-bdiewa għandhom jibqgħu jingħataw attenzjoni biex b’hekk din l-industrija tibqa’ tissaħħaħ.

Dawn il-proposti, sostna Simon Busuttil, inaqqsu l-pressjoni fuq l-art ODZ u joffru aktar garanzziji għall-ambjent.