Kurżitajiet

Jisparixxi l-katavru ta’ raġel li miet waqt film tal-biża’

Rapporti mill-Indja qalu li għeb il-katavru ta’ raġel ta’ 65 sena li miet minn attakk tal-qalb waqt li kien qed jara film tal-orrur bl-isem The Conjuring 2.

Ir-raġel, li kien qed jara l-film ma’ ħabib f’kumpless taċ-ċinema f’Tiruvannamalai, twerwer waqt xena tal-biża’ u ftit wara beda jilmenta minn uġigħ f’sidru. Hu maż-żmien, ħassu ħażin u ttieħed b’urġenza l-isptar fejn kien iddikjarat mejjet.

Intant, il-katavru sparixxa wara li l-istaff tal-isptar talbu lill-ħabib tiegħu biex iwassal il-katavru għall-awtopsja fl-Isptar tal-Kulleġġ Mediku tal-Gvern ta’ Tiruvannamalai. Sar magħruf, aktar tard, li ‘l-katavru u l-ħabib it-tnejn għebu’ u ħadd ma jaf x’sar minnhom, bil-pulizija qed tinvestiga.

Il-film The Conjuring 2 diġà daħħal aktar minn $104 miljun madwar id-dinja mindu ħareġ għall-wiri fil-bidu ta’ Ġunju. Din il-produzzjoni — sequel għall-oriġinali The Conjuring – tibbaża fuq l-investigazzjoni ta’ attività paranormali li seħħet fl-1977.