Lokali

L-eks sieħba ta’ Alfred Mifsud : “In-negozjant kien jiġi d-dar u jagħtih envelops b’Lm50,000 cash”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jgħid li l-Gvern għandu jissospendi n-nomina ta’ Alfred Mifsud sakemm jiġu ċċarati l-allegazzjonijiet.

Min hu diżonest u jigdeb m’għandux jitqiegħed bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Dikjarazzjoni qawwija minn Anna Zelbst, l-eks sieħba ta’ Alfred Mifsud, l-eks Chairman tal-media Laburista u li issa qed ikun nominat mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex imexxi l-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Wara li Mifsud fetaħ libell fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-eks sieħba tiegħu għamlet kuntatt ma’ Caruana Galizia u tatha aktar dettalji dwar kif in-negozjant Ronnie Demajo mar fid-dar tal-kopja għal mill-anqas tliet darbiet u “ta lil Alfred Lm50,000 f’cash kull darba”.

It-Tlieta li għadda, l-eks Chairman tal-media Laburista fetaħ libell fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia għax qal li l-istorja li ppubblikat fil-jiem li għaddew waslitilha minn “sorsi diżonesti u motivati minn tpattija u mibgħeda” fil-konfront tiegħu. Madankollu, Anna Zelbst insistiet ma’ Caruana Galizia li lesta tirrepeti l-informazzjoni kollha taħt ġurament fil-Qorti.

L-eks sieħba ta’ Alfred Mifsud kompliet tispjega li ma teskludix li kien hemm ċirkostanzi oħra li Demajo kien imur fir-residenza tagħhom għax hi ma kinitx tkun dejjem id-dar. Spjegat kif meta tneħħa minn Chairman tal-Mid Med Bank fl-1998, Mifsud kien igerger li Demajo kien għad kellu jtih Lm70,000, iżda dawn qatt ma ngħatawlu għax Mifsud ma baqax fit-tmexxija tal-Bank.

Minkejja li ma tafx ir-raġuni eżatta għaliex l-eks sieħeb tagħha kien jingħata dawk l-ammonti mingħand in-negozjant, Zelbst qalet li tiftakar li dak iż-żmien Alfred Mifsud kien jgħid li l-Bank qed jixtri sistema ġdida kompjuterizzata mingħand il-kumpanija ta’ Demajo.

Fil-fatt, Daphne Caruana Galizia irrappurtat li ftit wara li nħatar Chairman tal-Mid Med Bank, Mifsud beda proċess biex ibiddel is-sistema kompjuterizzata minn waħda li ma tantx kienet ilha li ġiet installata. Hi kkwotat Uffiċjali tal-Bank li nnutaw kif is-sistema ssuġġerita minn Mifsud kienet waħda Amerikana magħmula speċifikament għall-banek lokali Amerikani.

L-aġent f’Malta tal-kumpanija Eastpoint, li mmanifatturat dik is-sistema kompjuterizzata kienet il-kumpanija ta’ Ronnie Demajo. Il-ftehim mal-kumpanija waqaf appena l-Mid Med Bank inbigħ lill-HSBC fl-1999 wara li t-tmexxija tal-Bank internazzjonali neħħiet s-sistema għal kollox għax qalet li ma kinitx funzjonabbli.

Sadanittant, il-ġurnalista staqsiet lill-eks sieħba ta’ Alfred Mifsud kif tista’ tikkonferma kemm kienu l-ammonti li kien jingħadda mingħand Demajo, li dejjem mar għandhom waħdu u hu personalment. Hi spjegat li “wara li Ronnie kien jitlaq, Alfred kien jidħol fl-uffiċċju tiegħu u jgħodd il-flus”.

Zelbst kompliet tispjega li Mifsud kien jibgħatha tiddepożita Lm10,000 minnhom fil-kont bankarju personali tagħha u hi toħroġ ċekk lilu bl-istess ammont biex dawn jidhru li jkunu ġejjin mingħandha.

Anna Zelbst wieġbet għall-kumment ta’ Alfred Mifsud li qal li hi diżonesta billi fakkret kif fl-2003, meta Alfred Mifsud kien sar Kandidat tal-Partit Laburista, kien għaddielha 65% tal-ishma tiegħu fil-kumpanija Crystal Finance. Qalet li għamel dan il-pass għax ħaseb li kien se jiġi elett u Alfred Sant kien se jagħmlu Ministru tal-Finanzi. Għaldaqstant, xtaq jitbiegħed mill-kumpanija kummerċjali.

Hi temmet tgħid li meta ddeċidiet li titkellem mal-media, Alfred Mifsud heddidha li jekk titkellem se jirrovinaha u ma jħallilhiex biex tgħix. Dan wara li hi kienet ħalliet il-karriera tagħha għax Mifsud kien jgħidilha li l-ommijiet il-ħżiena biss jibqgħu jaħdmu wara li jkollhom it-tfal. Spjegat li fl-età ta’ 62 sena, m’għandhiex dħul finanzjarju jew drittijiet għax għalkemm f’relazzjoni ta’ 24 sena ma’ Mifsud, huma qatt ma kienu miżżewġa.

Għaldaqstant, hi rribattiet it-theddid tal-eks sieħeb tagħha billi sfidat il-mod kif hu dejjem issottovalutaha ħalli tara sa liema livelli fil-baxx jista’ jaqa’.