Lokali

Reazzjoni mill-PN dwar il-ħatra mill-ġdid ta’ Samuel Azzopardi bħala Sindku tar-Rabat Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-ħatra mill-ġdid ta’ Samuel Azzopardi bħala Sindku tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex u għall-istqarrija tiegħu aktar kmieni llum.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li Samuel Azzopardi ddispjaċih u skuża ruħu pubblikament għall-aġir tiegħu. In vista ta’ din l-apoloġija u tas-sentenza tal-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa li fiha ntqal li dan l-iżball m’għandux itellef lil Samuel Azzopardi mill-kontribut tiegħu fil-ħajja pubblika, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Kunsilliera tal-Partit sabiex jappoġġaw il-ħatra mill-ġdid ta’ Samuel Azzopardi bħala Sindku tar-Rabat, Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista jieħu din l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-Kunsilliera kollha tar-Rabat Għawdex, b’mod partikolari lil Josef Schembri li b’sens kbir ta’ rġulija serva bħala Sindku tar-Rabat Għawdex għal dawn l-aħħar xahrejn u ċeda din il-pożizzjoni favur Samuel Azzopardi.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex ħidma kontinwa fl-interess tar-residenti kollha tar-Rabat Għawdex.

Fi stqarrija ftit tal-ħin ilu Samuel Azzopardi qal li dan;

Illum jiena erġajt accettajt l-inkarigu ta’ Sindku tar-Rabat, Għawdex wara li din il-ġimgħa inqata l-każ tiegħi dwar sewqan taħt l-influwenza tax-xorb.

Filwaqt li instabt ħati ta’ żewġ akkużi marbutin mal-inċident, il-Qorti qalet li dan l-inċident, li għalih jien urejt dispjaċir, ma kellux itellef milli nkompli nagħti l-kontribut tiegħi fil-ħajja pubblika. Sussegwemtament is-sospensjoni tiegħi mill-Partit Nazzjonalista ġiet irtirata u jiena stajt illum nerġa naċċetta l-inkarigu ta’ Sindku.

Nixtieq pubblikament nagħmel apoloġija bla riżervi għall-iżball tiegħi. Jien nifhem li l-aġir tiegħi kien żbaljat u li l-fatt li ma kien hemm ebda konsegwenzi gravi bl-ebda mod ma jiġġustifika dak li għamilt. Dan l-inċident serva bħala lezzjoni kbira għalija u jiena qiegħed nikkommetti ruħi sabiex fil-ħajja pubblika tiegħi nagħti sehem biex jikber l-għarfien dwar l-effetti ħżiena li jista’ jkollu l-alcohol.

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lill-Partit tiegħi, il-Partit Nazzjonalista, li tagħni ċans nerġa nagħti sehem fil-ħajja pubblika. Nirringrazzja fuq kollox lill-kollegi tiegħi, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex, li mexxew il-Kunsill wara li jiena kont irriżenjajt. Nirringrazzja b’mod partikolari lill-Viċi Sindku Josef Schembri li b’sens kbir ta’ rġulija ħa l-inkarigu ta’ Sindku fin-nuqqas tiegħi u reġa ċeda postu għalija llum. Dawn ukoll kienu ġesti li lili għallmuni lezzjoni importanti fil-ħajja.