Ambjent

Reazzjoni ta’ BirdLife Malta għall-allegazzjonijiet tal-FKNK

B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) dwar l-aħbar ħażina tal-mewt tal-Avultun Prim (Griffon Vulture) fi Sqallija, BirdLife Malta tixtieq tagħmilha ċara li hi ntalbet biex tassisti u tieħu f’idejha l-għasfur mill-Gvern.

Maximus, dan l-Avultun Prim (Gyps fulvus), kien salvat mill-Port Ħieles fejn kien maqbud fuq krejn wara li daħal Malta fuq bastiment tal-merkanzija. Diversi entitajiet kienu involuti f’din il-ħidma ta’ salvataġġ li saret f’tentattiv biex tkun salvata l-ħajja ta’ dan l-għasfur, fosthom il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU), l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA), it-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal-Korp tal-Pulizija, id-Diviżjoni Veterinarja tal-Gvern u ħaddiema tal-Malta Freeport.

BirdLife Malta tiddikjara li hi dejjem ħadmet, kif se tkompli tagħmel, biex tħares in-natura u l-għasafar fl-interess tal-ġid komuni. Wasal iż-żmien li l-federazzjoni tal-kaċċaturi wkoll tibda tfittex li tikkollabora, minflok taħli l-ħin kontinwament tipprova twaħħal f’dak u fl-ieħor.