Rapport : Matthew Mamo
Residenti tal-Baħrija qed jilmentaw mal-awtoritajiet wara li medda vasta ta’ art f’sit magħruf bħala Ta’ Namura, fil-Baħrija, inqerdet f’nar li allegatament tqabbad apposta. Din iż-żona tinsab f’sit protett u barra miż-żona tal-iżvilupp minħabba l-importanza ekoloġika tiegħu.
Il-mod kif żviluppa dan in-nar qed iqajjem suspett li dan ma kienx każ aċċidentali iżda li tqabbad apposta biex is-siġar tal-ħarub jinqerdu. Dan joħroġ minn email li residenti tal-Baħrija bagħtu lill-ambjentalist Alan Deidun, li min-naħa tiegħu għaddiha wkoll lill-awtoritajiet kompetenti.
Fl-email tar-residenti jingħad li dan in-nar, li seħħ fl-4 ta’ Ġunju li għadda, isegwi każ ieħor li kien seħħ fl-2014 eżattament fl-istess post. Hu diffiċli li wieħed jemmen li hu kumbinazzjoni li kull sena n-nirien jitqabbdu fl-istess perjodu ta’ mien, fl-ewwel jiem ta’ Ġunju, u dejjem jibdew mill-istess post.
In-nar infirex malajr ħafna u mill-post dehret tiela’ daħna folta tant li wħud mir-residenti kellhom joħorġu minn djarhom minħabba d-duħħan li daħal fir-residenzi tagħhom.
Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava minħabba d-dewmien biex fuq il-post waslu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili. Dan minħabba li t-triq għall-Baħrija ilha iktar minn sena magħluqa, bit-toroq alternattivi li huma dojoq wisq.
Wara kważi tliet kwarti waslet l-ewwel vettura tat-tifi tan-nar, iżda kien hemm bżonn tlieta oħra biex jiġi kkontrollat in-nar. L-għada fl-istess żona ġew irrapurtati każi oħra ta’ ħruq u mill-ġdid intbagħtet vettura oħra tat-tifi tan-nar.
Barra minn dan ir-residenti rrappurtaw ukoll li taħt siġra li ma nqerditx bin-nar setgħu jinnotaw żewġ tankijiet tal-metall mimlija njam niexef u jisħqu li dawn tpoġġew hemm appost biex fil-jiem li ġejjin titqabbad din is-siġra wkoll.
“Iż-żona għal diversi drabi kienet fil-mira tal-vandaliżmu u nemmnu li xi ħadd qed jagħmel dan apposta biex jeqred il-valur ekoloġiku taż-żona u jiżviluppaha,” qalu r-residenti li bagħtu l-imejl.
Ritratti li waslu għand netnews.com.mt juru kif għall-aħħar xhur fiż-żona kien qed jintrema’ skart tal-kostruzzjoni bir-residenti jirrapurtaw għal diversi drabi lill-awtoritajiet u l-Kunsill Lokali tar-Rabat. Madankollu huma ġew injorati.
Dan l-iskart ukoll qabad meta ż-żona ħadet in-nar, bil-konsegwenza li fl-arja kien hemm ukoll gassijiet tossiċi. Dan qed iwassal lir-residenti biex jemmnu li l-awtoritajiet qed jagħlqu għajnejhom għal dan il-ksur tal-liġi bi skop u jkompli jżid mal-iskumdita’ li qed isofru. Ta’ min jinnota wkoll li t-triq li tmiss ma’ dan il-wied tinsab fi stat diżastruż tant li għal xi żmien lanqas it-trakk taż-żibel ma kien qed jidħol biex jiġbor l-iskart.
Fil-korrispondenza li Alan Deidun bagħat lill-awtoritajiet konċernati, kif ukoll lil numru ta’ għaqdiet ambjentali, hu appella biex il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera jigura li jitħawwlu mill-ġdid is-siġar tal-ħarrub li nqerdu u jiġu nstallati kameras tas-sigurtà biex jinqabad min qed jarmi llegalment l-iskart f’din iż-żona u jinqabdu l-persuni li allegatament qed iqabbdu l-post bi skop.
Sadattant f’din iż-żona ta’ importanza ekoloġika llum-il ġurnata wieħed isib xena ta’ distruzzjoni, fejn tiddomina s-swidija tal-ħruq u munzelli mifruxa ta’ skart tal-kostruzzjoni fost l-oħrajn.
//= $special ?>