Saħħa

Il-Gvern iħabbar id-dettalji dwar il-privatizazzjoni ta’ tliet sptarijiet …. il-PN jisħaq għall-publikazzjoni ta’ dan il-ftehim

Kif żvelat mill-ġurnal In-Nazzjon aktar kmieni din il-ġimgħa, is-Sibt waranofsinhar, il-Ministru Chris Fearne u Ram Tumuluri – d-Direttur ta’ Vitals Healthcare Group – sejħu l-ġurnalisti biex jagħtu dettalji dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, tal-Isptarijiet San Luqa u l-Isptar Karin Grech.

Matul din il-laqgħa Tumuluri qal li l-ħaddiema se jżommu l-kundizzjonijiet attwali tagħhom, kif ukoll il-paga, li se tibqa’ titħallas mill-Gvern kif isir fil-preżent. Dan għat-30 sena li ġejjin, jiġifieri t-tul tal-konċessjoni mill-Gvern lil Vitals Healthcare tal-isptarijiet lokali.

Iżda l-aħħar li tkellmu l-unions, fi stqarrija mill-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin, huma esprimew it-tħassib tagħhom u saħansitra insistew li l-Gvern jippubbliika l-kuntratti kollha li saru bejn il-Gvern Malti u Vitals. Kienu talbu wkoll lill-Awditur Ġenerali biex jagħmel investigazzjoni.

Ram Tumuluri qal li Vitals se tkun qed iżżid il-ħaddiema mill-1,600 attwali għal 2,400, b’din iż-żieda tkun spiża li se jġorr l-operatur privat u mhux il-gvern Malti.

Skont id-direttur tal-kumpanija li ntgħażlet biex tmexxi l-isptartijiet, l-pazjenti Maltin u Għawdxin mhux se jħallsu għas-servizz mediku, għaliex se jkun il-gvern li jħallas il-flus lil Vitals. Il-Gvern se jixtri wkoll ammont ta’ sodod mingħand din il-kumpanija medika. Il-ftehim ifisser ukoll li Vitals se twettaq xogħol ta’ bini u ristrutturar tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karen Grech kif ukoll l-Isptar San Luqa.

Tumuluri qal li l-bini ta’ dawn il-faċilitajiet mistenni jkun lest totalment sa Lulju 2018, bix-xogħol fuq l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex mistenni jibda immedjatament sa mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla, bl-istess Ram Tumuluri jgħid lill-ġurnalisti li mit-Tnejn se jidbew jaraw il-krejnijeit jaslu fis-sit tal-isptar.

Dan minkejja li kelliem tal-Awtorità tal-Ippjanar qal lil The Times of Malta li s’issa m’hemm l-ebda applikazzjoni ta’ ippjanar minn Vitals għall-Isptar ġenerali ta’ Għawdex. Dan l-istazzjon saqsa lil Ram Tumuluri jekk għandux problema li jiġu ppubblikati mmedjatament il-ftehim mal-Gvern Malti. Madankollu l-gvern diġa’ qal li dan il-ftehim se jiġi ppubblikat f’Novembru, u mhux b’mod immedjat.

Fi stqarrija immedjata, l-Partit Nazzjonalista nsista li ladarba l-kuntratti ġew iffirmati, dawn għandhom jiġu ppubblikati b’mod immedjat. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li l-Gvern qed jinsisti li ma jippubblikax il-ftehim ipoġġi suspetti kbar fuq dan l-istess deal li nħadem miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u mill-Ministru Konrad Mizzi – l-istess żewġ persuni li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, trusts sigrieti fin-New Zealand, u għamlu diversi attentati biex jiftħu kontijiet bankarji sigrieti madwar id-dinja kollha biex fihom ipoġġu s-senserija.

Irrefera wkoll għal Ram Tumuluri li m’għandu ebda esperjenza ta’ tmexxija ta’ sptar, u dan ikompli joħloq suspetti serji fid-deal li din il-persuna għamlet ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Il-Partit Nazzjonalista żied jgħid li dan kollu qed isir f’inċertezza kbira għall-ħaddiema tat-tliet sptarijiet, kif ukoll tal-pazjenti, b’mod speċjali dawk ta’ Għawdex, li issa l-Gvern se jobbligahom li jirċievu l-kura li għandhom dritt għaliha fi sptar privat. Il-ħaddiema ta’ dawn it-tliet sptarijiet għadhom f’għama kbira dwar il-futur tagħhom, kif spjegaw ir-rappreżentanti tal-istess ħaddiema fl-aħħar jiem.