L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex f’messaġġ forma ta’ stqarrija wrew it-tħassib tagħhom dwar il-Protest Ġudizzjarju li tressaq il-Qorti mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Mara dwar il-legalizazzjoni tal-morning after pill.
Huma qalu li filwaqt hemm ħafna fil-gżejjer Maltin li jemmnu fid-dinjità tal-ħajja umana, saħqu li din trid tiġi “mħarsa u rispettata sa mill-konċepiment”.
Huma komplew il-messaġġ billi spjegaw li japprezzaw il-ħidma favur id-drittijiet tal-mara fis-soċjetà, bl-irwol u d-dinjità tagħha, iżda ma jistgħux jonqsu milli jinsew id-drittijiet tal-persuna fil-ġuf li m’għandhiex qawwa ssemma’ leħinha.
L-Isqfijiet tennew li din m’għandhiex tkun kwistjoni marbuta mad-drittijiet tal-mara jew is-saħħa riproduttiva tagħha, iżda li l-pillola nnifisha hi abortiva. Huma żiedu li ma’ kull ħajja ġdida hemm ċertu serjetà u delikatezza li ma nistgħux ninjoraw.
L-Iqfijiet temmew il-messaġġ billi qalu li l-poplu jrid ikompli jipproteġi l-valur u d-dinjità bħala soċjetà biex uliedna jsibu soċjeta’ xierqa u b’saħħitha fejn anke huma l’quddiem jgħaddu l-istess valuri lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.
//= $special ?>