Internazzjonali

Jinqatel waqt ‘live-stream’ fuq Facebook

Raġel minn Chicago, fl-Istati Uniti, inqatel b’tiri ta’ arma waqt li kien għaddej live-streaming ta’ filmat tiegħu fuq in-network soċjali Facebook.

Il-vittma, Antonio Perkins, li kellu 28 sena, ġarrab tiri fatali f’rasu u f’għonqu meta kien fil-kwartier ta’ Chicago magħruf bħala l-west side.

Il-filmat tal-qtil ( almenu sal-bieraħ) kien għadu jiċċirkola fuq Facebook u mifhum li ‘in-nies rawh għal kważi 700,000 darba’. Il-filmat kellu wkoll messaġġ bi twissija dwar ‘in-natura grafika tal-kontenut’.

Din kienet it-tieni darba f’anqas minn tliet xhur li sparatura f’Chicago kienet suġġetta għal live-streaming fuq Facebook. Fil-fatt, raġel mhux identifikat, f’Marzu li għadda, kien qala’ xi 16 il-tir ta’ arma waqt xandira live oħra mill-inħawi.

Ma saru l-ebda arresti f’dawn iż-żewġ każi, meta Chicago għandha waħda mill-agħar rati ta’ delitti li jinvolvu l-armi tan-nar minn fost l-ibliet Amerikani ewlenin.