L-għaqdiet ambjentali u dawk li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili qed jappellaw lill-Gvern biex iwaqqaf b’mod temporanju l-proġetti ta’ bini għoli sakemm jitlesta l-masterplan nazzjonali u ħolistiku dwar l-impatt ta’ dan l-iżvilupp.
Matul konferenza tal-aħbarijiet li fiha għamluha ċara li mhux jippretendu li l-iżvilupp ma jsirx, dawn l-għaqdiet għamluha ċara li biex żvilupp ta’ dan it-tip iseħħ hemm bżonn li jsir b’mod ippjanat.
Semmew kif bini bħal dan fost l-oħrajn iwassal għall-problemi taż-żieda fit-traffiku, id-dewmien tal-kostruzzjoni, il-ħolqien ta’ dell fuq propjetajiet oħra, l-infrastruttura, l-impatt viżiv fuq l-inħawi ta’ siti storiċi, l-impatt negattiv fuq il-valur ekonomiku tal-propjetà u fuq kollox il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Ruben Borg, lecturer fl-Università ta’ Malta, qal li żviluppi bħal dawn jistgħu saħansitra jitqiesu bħala opportunità, imma l-istudju dwarhom irid isir qabel jibdew il-proġetti. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Perit Tara Cassar.
L-istqarrija kienet iffirmata mill-Alternattiva Demokratika, il-Partit Demokratiku, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, is-Civil Society Network, Din l-Art Ħelwa, Flimken għall-Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Ramblers Association Malta, l-Assoċjazzjoni tar-Residenti ta’ Qui-si-sana u Tigne, Sustainable Built Environment Malta, Youths for the Environment, Moviment Graffitti u l-kamra Maltija għall-Ippjanar
//= $special ?>