Internazzjonali

L-ISIS ‘b’darhom mal-ħajt’ f’Fallujah

Uffiċjali fl-Iraq qalu li qawwiet tal-Gvern Iraqi ħatfu lura kontroll tal-parti kbira ta’ Fallujah, li ilha mill-2014 taħt idejn it-terroristi tal-ISIS. Il-kapijiet tal-qawwiet speċjali Iraqqin qalu li t-truppi, issa, qed jikkontrollaw xi 80 fil-mija ta’ din il-belt li hi l-aktar waħda li ilha okkupata mill-ISIS mindu t-terroristi ħatfu territorji fl-Iraq u fis-Sirja.

Fallujah tinsab 50 kilometru biss ‘il bogħod minn Bagdad, il-kapitali tal-Iraq, u l-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, fisser l-aħħar żviluppi bħala ‘forma ta’ liberazzjoni’.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Ash Carter, wissa li s-sitwazzjoni ta’ Fallujah kienet għadha miftuħa, peress li l-ġellieda tal-ISIS kienu għadhom jirreżistu f’diversi bnadi tal-belt.

Madankollu, kelliema għall-Armata tal-Iraq huma fiduċjużi li l-ISIS ‘spiċċaw b’darhom mal-ħajt’ ġo Fallujah u qed jistennew li t-terroristi fl-inħawi jsofru kroll totali fis-sigħat li jmiss.