BLOGS

Appuntamenti mad-destin

1. F’pajjiżna, il-politika tul din l-aħħar ġimgħa ħadet pass lura. Ħafna ntilfu jsegwu l-logħob tal-ballun. Għad hawn interess kbir u l-partiti qed jiġu segwiti b’attenzjoni. Biss barra minn xtutna għaddej bħalissa konfront nazzjonali qawwi ġewwa r-Renju Unit, pajjiż viċin tagħna. Il-poplu ta’ dawk il-gżejjer irid jiddeċiedi tul din il-ġimgħa li ġejja jekk huwiex se jibqa’ membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea jew jaqbadx it-triq biex joħroġ minnha. Huwa appuntament li ilu ġej u sejjer. Diversi tkellmu qabel dwaru, oħrajn injorawh, iżda dan il-Gvern preżenti rabat lilu nnifsu li jżomm referendum sabiex il-kwistjoni tinqata’. Hekk se jsir.

Impressjonijiet
2. F’dan il-pajjiż kien hemm għal ħafna snin dan il-ballun politiku għaddej. Minn meta l-partit Konservattiv iddeċieda li jidħol fl-Unjoni taħt Ted Heath, dak iż-żmien Prim Ministru, qamu kwistjonijiet varji. Il-ħsieb kien u baqa’ għaddej li ċedew wisq mis-sovranità nazzjonali tagħhom. Għalhekk gvernijiet Laburisti u Konservattivi sussegwenti sabu ruħhom igergru dwar din id-deċiżjoni u diversi drabi wiegħdu, mingħajr suċċess, li jinnegozjaw mill-ġdid dak li kien sar. Is-sitwazzjoni kienet iktar aggravata bil-messaġġ politiku li xi wħud kienu jibagħtu li kollox huwa dettat kontra tagħhom. L-ispirtu Ewropew f’numru ta’ drabi tħalla barra minnhom u xi politiċi ħallew l-impressjonijiet varji ta’ għaqda negattiva.

Iċ-ċirkostanzi jinbidlu
3. Bl-aħħar Trattat ta’ Liżbona fuq insistenza ta’ pajjiżi membri daħal għall-ewwel darba artikolu numru ħamsin li jippermetti lit-tmienja u għoxrin membru li joħorġu mill-Unjoni Ewropea. Issa għalhekk hemm min qiegħed jara jekk u kif jista’ jħaddem dan il-mekkaniżmu legali. Ma hix faċli mill-aspett legali, wisq inqas minn dak soċjali u ekonomiku. Sfortunatament, minn dak li qiegħed jingħad, jidher ċar li ħafna f’dak il-poplu għadhom ma fehmux kemm hemm rabtiet u vantaġġi li mhux faċli għalihom li tħollhom. Kif jgħidu, se joħroġ id-demm jekk dan il-pajjiż finalment hekk jiddeċiedi. Iċ-ċirkostanzi se jinbidlu iżda żgur li mhux għall-aħjar għalihom. Illum hemm ir-realtà li min huwa Ewropew ma jistax jgħix barra mill-Unjoni.

Il-passat jilħaq il-preżent
4. Forsi wkoll l-affarijiet huma iktar komplikati għax barra ċerta ostilità bla sens imsaħħna minn numru ta’ politiċi tul is-snin, għandek ukoll il-ħsieb u memorji tal-imperu li fi wħud għadhom ma marrux. Il-poter imperjali u dak iż-żmien mondjali spiċċa fir-realtà darba għal dejjem mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija u ma jistax jinġieb lura. Imma xi wħud għadhom jimmaġinaw li x-xkiel għal dan ma hux ir-realtà imma l-Unjoni Ewropea. Hemm ukoll ċerti antagoniżmi u inkomprensjonijiet ġejjin minn sekli ta’ konflitti oħra. Is-saħħa politika fl-Unjoni li għandhom Franza u l-Ġermanja tidher li wkoll ma tantx tintlaqa’ tajjeb f’dawk li jew ikkumbattewhom jew illiberawhom. Hemm f’hekk nostalġija xejn ċara tal-passat.

Antipatiji u simpatiji
5. It-tmexxija politika Ewropea għandha naturalment ir-responsabbiltajiet tagħha. Tul dawn is-snin ta’ aġir mhux dejjem pożittiv min-naħa tal-klassi politika Ingliża kien hemm ħafna inkomprensjoni. Forsi l-pożizzjoni tagħna ta’ poplu Ewropew li kien għal sekli taħt l-imperu tagħtina iktar konoxxenza minn oħrajn. Stajt nara kemm-il darba biżgħat żejda joħorġu. F’ħafna mumenti konna iktar membri sħaħ aħna li dħalna tard. F’oħrajn kien hemm wisq riservi u l-ħsieb li qegħdin fl-Unjoni iżda għadhom għal rashom huwa f’ħafna. Imma s-sigurtà għall-ekonomija l-viżjoni kienet differenti. Biss l-antipatiji u s-simpatiji Ewropej kienu dejjem ħajjin u attivi biex iżommu lura progressi oħra li setgħu jsiru.

Kumplikazzjonijiet
6. F’dan ir-referendum hemm komplikazzjonijiet politiċi wkoll. L-iktar għaliex il-ġlieda jekk jibqgħux jew joħorġux tidher li ġejja minn ħdan il-partit Konservattiv Ingliż. Il-kwistjonijiet u l-pożizzjonijiet passati ma ntilfux u b’dan anzi qed jirrankaw. Fuq naħa għandna l-Prim Ministru David Cameron jikkumbatti sabiex jibqgħu u fuq l-oħra hemm Michael Gove, Ministru tal-Ġustizzja, u Boris Johnson, li jridu joħorġu. Ir-riżultat se jkollu għalhekk l-ewwel effett tiegħu fuq min imexxi l-pajjiż. Rebħa għal dawk li jridu jibqgħu żżomm lil Cameron f’postu u telfa ġġib bidla fil-Kap tal-Partit Konservattiv.

Effetti għalihom
7. Jirbaħx il-‘le’ jew l-‘iva’ xorta se jkun hemm effetti soċjoekonomiċi fuq dak il-pajjiż. Preżentement hemm l-iktar qbil ġenerali fost diversi li jifhmu fis-settur ekonomiku li ħruġ se jġib biss ħsara. L-ewwel, telf tal-pożizzjoni u l-influwenza tagħha fil-kapitolu. It-tieni, tħassir tal-vantaġġi ekonomiċi u soċjali li hemm bħalissa. Kummerċ iktar veloċi, inqas piżijiet, taxxi, u fuq l-oħra tnaqqis fil-libertà tal-moviment tal-persuni. It-tielet, telf tal-avvanzi legali li qed iġibu lit-tmienja u għoxrin pajjiż bl-istess regoli legali fuq diversi kwistjonijiet li jiggarantixxu ordni u stabbiltà. Ir-raba’, għax meta wieħed joħroġ bl-istess Trattat ta’ Liżbona ma jkunx jista’ jinnegozja ftehim ġdid u anzi jrid jaċċetta dak li l-Unjoni tiddeċiedi.

Effetti għalina
8. Kull darba li ministri minn dak il-pajjiż kienu pro-Ewropej, pajjiżna ggwadanja. Fil-politika tagħna rari ttraskurajna li nagħtu appoġġ u sostenn lir-Renju Unit. Għalina aktar ma jkun b’saħħtu ġewwa, iktar aħjar. Li jkun barra narawh jitlef l-influwenza politika vera u jkun qiegħed jeskludi lilu nnifsu minn dak li fi ħdan l-Unjoni jista’ jsib kooperazzjoni dwaru. Aħna għandna rabtiet kummerċjali u soċjali qawwija. Ħruġ iġib inċertezza u komplikazzjonijiet li se jnaqqsu mis-saħħa ekonomika tagħna. Aħna nifhmu li f’dan kollu hemm realtà li wieħed ma jistax jaħrab minnha. L-Unjoni Ewropea hija b’saħħitha, u ma hix se titlef fl-influwenza sħiħa tagħha. Kif għamilha ċara Ministru Norveġiż, pajjiż li ma huwiex fl-Unjoni, “If you want to run Europe, you must be in Europe. If you want to be run by Europe, feel free to join Norway.” Bħal-lum ġimgħa nkunu nafu fejn wassal dan l-appuntament mad-destin.