Lokali

Erba’ persuni arrestati wara sejba ta’ droga f’garaxx f’Ħ’Attard

Drogi varji - ritratt mill-arkivji

Erba’ persuni kienu arrestati wara tfitxija li saret f’garaxx f’Ħ’Attard fil-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.

Fil-garaxx, li kien qiegħed jintuża biex id-droga tiġi ppreparata ġo boroż żgħar u tinbiegħ, instabu 1.5 kilogramma raża tal-kannabis, madwar 550 gramma kokaina, madwar 250 gramma pjanta tal-kannabis. armi tan-nar, flus kontanti, kif ukoll oġġetti oħra relatati ma’ droga.

L-erba’ persuni, li l-eta’ tagħhom tvarja bejn l-20 u t-23 sena, qegħdin jinżammu taħt arrest sabiex jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom filwaqt li mhux eskluż li jitressqu fis-sigħat li ġejjin.

Sadanittant, fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienu arrestati disa’ persuni li l-eta’ tagħhom tvarja bejn is-17 u t-30 sena, wara tfitxijiet f’Malta u Għawdex. L-arrestati nstabu fil-pussess ta’ droga kokaina, raża tal-kannabis kif ukoll parti mill-pjanta tal-kannabis.