Lokali

Il-GWU u l-MHRA jaqblu mal-proposta tal-PN

Fil-jiem li għaddew, il-Partit Nazzjonalista għamel proposta b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Air Malta fl-isfond li l-Gvern Laburista qiegħed jinnegozja mal-Alitalia biex il-linja nazzjonali tal-ajru Taljana tixtri 49 fil-mija tal-ishma tal-Air Malta. Dan wara li kien iffirmat Memorandum of Understanding bejn iż-żewġ naħat.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li l-ishma tal-Air Malta jinbiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi, jew saħansitra lill-istess ħaddiema tal-Air Malta. Dan biex ikun assigurat li l-linja nazzjonali tibqa’ tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dwar din is-sitwazzjoni, il-gazzetta Il-Mument ħadet ir-reazzjoni tal-General Workers Union u tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Maltin.

Il-GWU taqbel li parti mill-ishma jkunu mibjugħa lill-pubbliku u lill-impjegati

Fit-tweġiba tagħha, il-General Workers’ Union iddikjarat li taqbel mal-proposta li parti mill-ishma ta’ entità pubblika jkunu mibjugħa lill-pubbliku u lill-impjegati. Madankollu, għall-GWU dan huwa tard wisq għaliex skont dak li kien irrappurtat fil-midja minħabba l-qagħda finanzjarja ta’ dawn l-aħħar snin, mhuwiex permess li dan iseħħ.

Il-GWU kompliet li għaldaqstant jidher li bħalissa l-uniku alternattiva hi li parti mis-sehem tal-kumpanija jinbiegħ lil sieħeb strateġiku. Il-GWU taħseb li għandu jseħħ għal ġid tal-ħaddiema u tal-ekonomija Maltija. Il-union qalet li min-naħa tagħha se tkun viġilanti biex l-interessi tal-ħaddiema jkun imħarsa tul il-proċess biex l-Air Malta tasal għal ftehim finali ma’ sieħeb strateġiku, f’dan il-każ, mal-Alitalia.

L-MHRA favur mudell li parti mill-ishma jinbiegħu lill-poplu

L-istess gazzetta ħadet ukoll reazzjoni ta’ Tony Zahra, President tal-Assoċjazzjoni tar-Lukandi u Ristoranti Maltin. Hu rrimarka li tul dawn l-aħħar sitt snin kemm Gvern Nazzjonalista u anke Gvern Laburista, ilhom isostnu li l-aħjar triq għall-Air Malta biex tibqa’ kumpanija vijabbli hi li l-mudell ta’ kif taħdem il-kumpanija u lil min tappartjeni, għandu jinbidel biex, l-Air Malta tibqa’ kompettittivà.

Tony Zahra qal li tul dawn l-aħħar sitt snin ukoll, l-MHRA kienet qed timbotta ‘l quddiem il-mudell li bih jiffunzjona l-Bank of Valletta; jiġifieri li l-gvern ikollu s-sehem tiegħu fil-kumpanija, ngħidu aħna madwar 20 fil-mija filwaqt li t-80 fil-mija l-oħra tal-ishma jinbiegħu. “Ideali jkun kieku li dawk it-80 fil-mija – 30 fil-mija jinbiegħu lil xi kumpanija tal-ajru barranija filwaqt li 25 fil-mija jinbiegħu lis-settur privat f’pajjiżna u l-25 fil-mija oħra jinbiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi biex anke l-poplu jkollu l- opportunità li jgawdi mill-profitti li tagħmel l-Air Malta.

Tony Zahra tenna li din hi l-pożizzjoni tal-MHRA dwar is-sitwazzjoni tal-linja tal-ajru nazzjonali; pożizzjoni li ilna nesprimuha għal dawn l-aħħar sitt snin u li nibqgħu nisħqu fuqha.