“Prim Ministru, tibqax tagħmel ħsara lill-pajjiż. Issa l-għażliet ħżiena tiegħek qed jagħmlu ħsara kbira lill-pajjiż. L-għażliet ta’ nepotiżmu ta’ Joseph Muscat qed jagħmlu ħsara lill-pajjiż.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu, li matulha nsista mal-Prim Ministru biex ma jaħtarx lil Alfred Mifsud bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali quddiem allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni.
Simon Busuttil qal li r-reazzjoni tal-Prim Ministru għall-allegazzjonijiet gravi ta’ korruzzjoni kontra Alfred Mifsud ma kenitx ta’ Prim Ministru denju li jmexxi l-pajjiż, b’mod partikolari għall-fatt, skont dak żvelat minn The Malta Independent on Sunday, li xorta se jibqa’ għaddej bil-ħatra. “Il-Prim Ministru, b’arroganza, qed jgħaddas rasu, kif għamel fil-każ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, u jibqa’ għaddej,” qal Simon Busuttil.
Hu spjega li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta mhux biss qed jokkupa waħda mill-aktar karigi għolja f’pajjiżna, iżda jsir membru wkoll tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għal dak żvelat mill-gazzetta Il-Mument li qalet li filwaqt li l-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ, il-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lil Alfred Mifsud. Simon Busuttil qal li Muscat messu, malli ħarġu l-allegazzjonijiet, irrefera l-kwistjoni lill-Bank Ċentrali ta’ Malta, u dan peress li Alfred Mifsud, bħalissa huwa diġà d-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. L-allegazzjonijiet huma li Alfred Mifsud ħa somom kbar ta’ flus, li jaqbżu t-€300,000 għall-ebda skop ħlief ta’ korruzzjonijiet.
Il-Partit Nazzjonalista ħadem għal reputazzjoni tajba għal pajjiżna, iżda issa qed jitkasbar u jiġi redikolat b’dan il-mod, sostna Simon Busuttil. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan l-iskandlu qed jagħmel ħsara kbira lis-settur tas-servizzi finanzjarji, b’mod speċjali wara l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Keith Schembri, kif ukoll wara li Ministru fil-Kabinett tal-Gvern ħareġ b’attakk feroċi fuq iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.
Il-proposta dwar l-ODZ saret biex insalvaw il-kampanja minn Muscat
Dwar il-proposta radikali biex jiġi salvat l-ODZ ta’ pajjiżna, Simon Busuttil qal li għamel din il-proposta biex isalva l-ftit kampanja li baqa’ f’pajjiżna minn Muscat. Hu qal li l-oppożizzjoni ta’ Joseph Muscat tfisser li Muscat irid jibqa’ jiddeċiedi waħdu f’kamra magħluqa u ma jridx isalva l-ftit kampanja li baqa’ f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li Muscat dawwar il-verità rasha ‘l isfel meta qal li jrid li d-deċiżjonijiet jeħduhom nies tekniċi u mhux il-politiċi, meta kien hu stess li ddeċieda waħdu fil-każ taż-Żonqor. Hu rrefera wkoll għall-każ tal-Power Station meta Muscat bagħat ittra lill-MEPA fl-istess ġurnata li kellha tisma l-applikazzjoni għat-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk, u qalilhom li jridhom japprovaw dan il-proġett.
Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista hi li l-poter tad-deċiżjonijiet dwar l-ODZ ma jibqax f’idejn il-Gvern iżda jmur għand il-Parlament, li jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi. Hu sostna li l-għaqdiet ambjentali, iżda mhux biss, ħarġu jilqgħu din il-proposta.
Nhar il-Ġimgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iltaqa’ ma’ kull min tkellem dwar din il-proposta u ddiskuta magħhom f’aktar dettall din il-proposta radikali, fost l-oħrajn li d-deċiżjoni tal-Parlament tittieħed wara l-istudji tekniċi mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Id-deal tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet huwa dubjuż
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li d-deal tal-privatizzazzjoni tal-isptar Karen Grech, l-isptar San Luqa, u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa wieħed dubjuż għal numru ta’ raġunijiet.
L-ewwel raġuni hi għaliex id-deal ġie ffirmat f’Marzu, fiż-żmien meta l-Ministru tas-Saħħa kien Konrad Mizzi. “Kull ma għamel Konrad Mizzi huwa suspettuż, u għandu jiġi investigat mill-Pulizija,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li fid-deal hemm involut ukoll Keith Schembri, b’rapporti jgħidu li Keith Schembri allegatament iltaqa’ mal-investitur qabel ħarġet is-sejħa. Hu appella lil Chris Fearne biex joqgħod attent li ma jitħammiġx hu wkoll bil-ħmieġ ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
It-tieni raġuni għaliex dan id-deal huwa dubjuż hi għaliex l-investitur ma għandu ebda esperjenza fit-tmexxija tal-isptarijiet, iżda l-Gvern Malti tah tliet sptarijiet biex imexxihom hu. Dan filwaqt li l-Gvern qed jibqa’ jinsisti li ma jippubblikax il-kuntratti li ffirma qabel Novembru li ġej. Hawnhekk, Simon Busuttil insista mal-Gvern li lanqas ħaġa li għandu jagħmel hi li jippubblika b’mod immedjat il-kuntratti li ffirma dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet.
Simon Busuttil fakkar ukoll li l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet qatt ma kienet fil-programm elettorali tal-Partit Laburista. B’referenza għal Għawdex, Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni hi nkwetata għaliex l-uniku sptar pubbliku li hemm fil-gżira Għawdxija se jiġi privatizzat. Hu tkellem ukoll dwar il-ħaddiema li bħalissa qed jagħmlulhom l-ilma jiżfen biex jaċċettaw il-ftehim, iżda mhux jingħataw iċ-ċans li jitkellmu qabel ikun tard wisq.
Owen Bonnici sar il-Ministru tal-Inġustizzja
B’referenza għall-każ ta’ Emanuel Camilleri, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Owen Bonnici mhux veru hu Ministru tal-Ġustizzja, imma Ministru tal-inġustizzja. Dan għaliex filwaqt li ilu jaf bil-proposta li għamlet l-Oppożizzjoni għal sentejn, ma għamel xejn. Kien għalhekk li x-Shadow Minister tal-Ġustizzja Jason Azzopardi, din il-ġimgħa ressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament bi proposta ta’ umanità kbira fejn issir ġustizzja fejn saret inġustizzja, qal Simon Busuttil.
F’każi bħal dawn, għandu jerġa’ jkollok il-possibilità biex terġa’ tiftaħ il-każ, biex ismek jitneħħa minn fuq ir-reġistru u ma jibqax ikkundannat, insista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li sfida lil Owen Bonnici biex jekk veru jemmen fil-ġustizzja, iġib dan l-abbozz ta’ liġi għad-diskussjoni b’mod immedjat, biex il-kundanna u l-inġustizzja li qed tgħix fiha din il-familja, fost l-oħrajn titħassar darba għal dejjem.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-Oppożizzjoni llum saret Gvern alternattiv fis-sens li mill-Oppożizzjoni qed isiru proposti li tistennihom mingħand il-Gvern. “Għamilna proposti fuq l-ODZ, fuq l-Air Malta, fuq il-ħarsien tal-annimali, u din il-ġimgħa ressaqna abbozz ta’ liġi kbir fl-umanità tiegħu,” qal Simon Busuttil.
Fil-bidu tal-intervista, Simon Busuttil awgura l-jum it-tajjeb lill-missirijiet kollha f’Jum il-Missier.
//= $special ?>