Parlament

Il-Parlament josserva minuta silenzju ta’ rispett lejn id-deputat Joe Cox

Fil-bidu tas-seduta tal-lejla l-Parlament osserva minuta silenzju b’turija ta’ rispett lejn id-Deputat Laburista Ingliża Joe Cox li nqatlet fl-Ingilterra dan l-aħħar.

Mario de Marco, f’isem l-Oppożizzjoni qal li l-politika insensata tal-vjolenza u dik tal-persważjoni ma jistgħux jgħixu flimkien.

Il-politika tal-persważjoni tgħin biex familja, biex is-soċjetà tgħix flimkien. Ħafna drabi naraw li fil-ħajja tagħna tinfirex il-mibgħeda minħabba xi raġuni jew oħra. Ma għandu jkun hemm l-ebda raġuni biex tixxerred il-politika tal-mibgħeda. Mill-każ ta’ Jo Cox, għandna nieħdu tagħlima biex nitkellmu u fid-djalogu nsibu s-soluzzjonijiet.

Mario de Marco esprima s-sogħba tal-Partit Nazzjonalista għat-telfa ta’ din id-Deputat Laburista u ħeġġeġ biex il-politika tieħu lezzjoni biex dawn l-affarijiet ma jirrepetux.

Il-PrimMinistru Joseph Muscat ngħaqad mas-sentimenti kif espressi minn Mario de Marco. Hu qal li dan l-inċident juri li l-atti ta’ terrur estrem mhumiex marbutin biss ma’ intolleranza ta’ kulur, reliġjon jew kultura.

Il-Prim Ministru qal li dan il-każ juri wkoll l-attenzjoni li għandha tingħata kif jitpoġġa l-kliem. Meta ssir kritika ma għandux ikun hemm kliem ta’ mibgħeda. Għandna naraw li nies li jirkbu l-kliem li jingħad ma jkunx użat b’mod li jnisslu mibgħeda.

Dan jidher li seħħ fl-Ingilterra biex wassal li persuna wettqet att insensat.

Il-Prim Ministru qal li l-argumenti għandhom isiru b’saħħa iżda ma għandux jitħalla ħadd li min imexxi dak il-messaġġ juża dak il-messaġġ biex ixerred il-mibgħeda.

Id-Deputat Speaker, Ċensu Galea ngħaqad mas-sentimenti espressi iż-żewġ naħat. Hu saħaq fuq l-attenzjoni li għandu jkun hemm fid-diskors li jingħad biex bl-ebda mod ma jwassal għal atti ta’ vjolenza.