Alfred Mifsud, li l-Prim Ministru Joseph Muscat għażlu biex ikun il-Gvernatur ġdid tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, iddikjara li hu lest jaċċetta li ma jkunx kunsidrat għall-kariga fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji ta’ tixħim u korruzzjoni fil-konfront tiegħu.
Mifsud qal li fetaħ każ ta’ malafama fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, li qed tallega li n-negozjant Ronnie Demajo kien imur għandhom b’envelops ta’ LM50,000 kull darba, għal total ta’ €350,000. In-negozjant kien ir-rappreżentant ta’ Malta għall-kumpanija Amerikana East Point, li kienet imqabbda biex tinstalla software ġdid, li jiswa l-miljuni, fis-sistema bankarja tal-Mid-Med Bank, li tiegħu Alfred Mifsud kien Chairman fi żmien il-Gvern Laburista.
F’dikjarazzjoni li bagħat lill-midja, Alfred Mifsud iddikjara l-allegazzjonijiet tal-eks sieħba tiegħu, Anna Zelbst, bħala tpattija u mibgħeda għal relazzjoni personali bejniethom li falliet.
Hu ċaħad mill-ġdid l-allegazzjonijiet li dwarhom għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija, kif ukoll oħra mill-Ministeru tal-Finanzi.
L-eks sieħba tiegħu, għal 24 sena, allegat ukoll li hi rat lil dan in-negozjant iġib il-flus f’envelops tliet darbiet fid-dar fejn kienu jgħixu f’Ħal-Balzan, waqt li Alfred Mifsud, kien jidħol fl-istudy tiegħu, jgħodd il-flus, u jtiha LM10,000 biex tiddepożitahom il-bank, u l-għada ttih lura ċekk bl-istess ammont.
Alfred Mifsud hu viċin ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Mifsud kien jimpjega lil Muscat mal-kumpanija tiegħu li tispeċjalizza f’konsulenzi finanzjarji, qabel ma’ Joseph Muscat daħal fil-politika.
S’issa l-Prim Ministru għadu ma kkummentax dwar l-offerta ta’ Alfred Mifsud li jkun maqbuż mill-konsiderazzjoni bħala Gvernatur ġdid tal-Bank Ċentrali, anzi hu fatt magħruf li t-tnejn li huma qrib ħafna ta’ xulxin.
Fl-istqarrija tiegħu Alfred Mifsud m’offriex li jirriżenja mill-kariga attwali tiegħu ta’ Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, li fi kliemu stess hi kariga ta’ responsabbiltà kbira. Dan minkejja li din il-pożizzjoni li jokkupa qed tittappan mill-akkużi serji kontrih.
//= $special ?>