Lokali

L-emenda tal-Oppożizzjoni tagħti xaqq ta’ dawl lir-raġel li ntbagħat 400 ġurnata ħabs għalxejn

Emmanuel Camilleri, li spiċċa akkużat bla ħtija b’pedofelija minn bintu stess għadu għaddej minn tbatija kbira għaliex minkejja li dikjarat innoċenti, ismu għadu mniżżel fuq ir-reġistru ta’ persuni li wettqu reati sesswali. Qal dan l-avukat Tonio Azzopardi, li kien qrib Emmanuel Camilleri matul dan iż-żmien twil u diffiċli li għadda minnu.

Tonio Azzopardi qal “meta ġie skarċerat, naqset xi ftit it-tbatija imma bdiet tbatija oħra għaliex għalkemm irriżulta b’ċertezza assoluta li t-tifla kienet tat xhieda falza, jibqa’ l-fatt li ismu baqa’ mniżżel fuq ir-reġistru tal-pedofli.”

Għal dan l-għan, u biex tissolva anomalija fil-liġi, l-Oppożizzjoni permezz tax-Shadow Minister Jason Azzopardi ressqet Private Members’ Bill. Dr Azzopardi qal li “sfortunatament f’sentejn pajjiżna baqa’ ma għamel assolutament xejn biex isib is-soluzzjoni, kif kien l-obbligu tiegħu li jagħmel dan.”

Minkejja li issa għaddew diversi jiem mindu dan il-Private Members’ Bill ġie preżentat lill-Ispeaker, s’issa l-Gvern għadu ma ħabbarx meta se jiġi diskuss.

Dr Tonio Azzopardi sostna li “kemm-il darba din l-emenda tiġi appuntata malajr, almenu l-politiċi jkunu qed juru li hemm rieda tajba li jikkoreġu l-iżball ta’ dewmien li sewa’ vjolazzjoni kontinwata ta’ sentejn oħra għall-klijent tiegħi.” Żied jgħid li “jekk din il-Private Members’ Bill tibqa’ fuq l-ixkaffa u ma tiġix appuntata u deċiża fil-Parlament malajr, allura l-istat ikompli jitrattjeni, ikaxkar saqajh u aħna nkomplu nħallsu d-danni għal nuqqas tal-istat.”

Fl-aħħar jiem kienet ukoll Desiree Camilleri, mart Emmanuel, li fuq Facebook irringrazzjat lid-deputat Jason Azzopardi, għaliex fi kliema qed jagħtihom ċavetta ta’ ħajjithom.

Hi wkoll appellat lill-Ministru Owen Bonnici biex b’kuxjenza jaqbad u jiddiskuti malajr kemm jista’ jkun dan l-abbozz ta’ liġi.