Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ammetta li kellu laqgħat mal-uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew wara l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u frodi fil-konfront ta’ Alfred Mifsud – il-bniedem li l-Prim Ministru Joseph Muscat għażlu biex ikun il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Edward Scicluna kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ netnews.com.mt dwar l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud, li allegatament kien jirċievi somom kbar ta’ flus kontanti – li jammontaw għal €350,000 – meta kien Chairman tal-Mid Med Bank.
Mistoqsi jekk il-Gvern hux se jippersisti bin-nomina ta’ Alfred Mifsud għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Edward Scicluna kkonerma li isem Mifsud kien wieħed minn dawk ikkunsidrati mill-Gvern. Madanakollu, hu ta x’jifhem li l-Gvern qed jirriskkunsidra din in-nomina wara l-allegazzjonijiet li ħarġu.
Mistoqsi wkoll dwar jekk il-kariga li jokkupa bħalissa Alfred Mifsud – dik ta’ Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali – għadiex tenibbli fid-dawl tal-akkużi serji li ħarġu, Edward Scicluna qal li ma jridx jikkummenta għaliex il-proċess ta’ investigazzjoni huwa wieħed li jdum ħafna.
The Malta Independent tal-bieraħ żvelat li filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna għandu riżervi dwar in-nomina ta’ Alfred Mifsud bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali, l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jinsisti li l-Gvernatur il-ġdid ikun Alfred Mifsud.
Ir-relazzjoni bejn Alfred Mifsud u Joseph Muscat tmur lura bosta snin, meta Alfred Mifsud kien jimpjega lil Muscat mal-kumpanija tiegħu Crystal Finance.
//= $special ?>