Lokali

Matul l-2015 waslu Malta 106 immigrant irregolari

Matul is-sena li għaddiet f’pajjiżna waslet biss dgħajsa waħda bl-immigranti. Fuqha kien hemm 106 persuna, li l-maġġoranza tagħhom kienu mill-Mali u s-Senegal.

Fl-aħħar 12-il xahar, kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 21 fil-mija fin-numru ta’ nies li hemm fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni. Filwaqt li 570 immigrant ġew trasferiti lejn pajjiżi oħra, inkluż fl-Istati Uniti.

Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) hekk kif illum jitfakkar il-Jum Dinji tar-Refuġjati.

L-istatistika turi ukoll illi fl-2015 kien hemm 1,844 applikazzjoni għal status ta’ refuġjat, li jfisser żieda ta’ 36.4 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Mill-1,491 illi ġew proċessati, 16 fil-mija ma ntlaqawx.

F’din l-istess ġurnata, l-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) qalet illi fl-2015 kien hemm rekord ta’ 65 miljun persuna li ħarbu minn pajjiżhom biex isibu refuġju f’pajjiżi oħrajn.

Tkellem ukoll il-PN illi fi stqarrija qal li Malta, fil-limitazzjonijiet tagħha, dejjem esprimiet spirtu ta’ solidarjetà ġenwina ma’ min ikun f’din is-sitwazzjoni. “F’dan is-sens jixraq li llum inroddu ħajr lill-membri tal-Forzi Armati, lill-Pulizija, lill-mediċi u paramediċi, lil tant oħrjan li jagħtu bl-akbar dedikazzjoni sehemhom b’impenn ġenwin, kif ukoll lil dawk kollha li b’mod volontarju permezz ta’ diversi NGOs joffru sostenn lir-refuġjati”.