Internazzjonali

Residenti fil-gżejjer Spanjoli rrabjati għat-turisti

Majorca Plaza Mayor Major in Palma de Mallorca at old city downtown

Ir-residenti f’Palma de Mallorca u bnadi oħra ta’ Spanja qed isiru aktar ostili għat-turisti, fost l-istennija għall-btajjel tas-sajf li, bħal kull sena, ifissru preżenza ta’ miljuni ta’ barranin fir-resorts popolari.

Minkejja li l-protesti kontra l-barranin pjuttost jirriflettu l-ħsibijiet ta’ ‘minoranza’, dawn qed jindikaw tensjoni – b’mod partikolari f’Palma de Mallorca – dwar iż-żieda fit-turisti. Dan għaliex filwaqt li t-turiżmu qed jistimolaw l-ekonomija lokali, il-mewġiet bla rażan ta’ turisti qegħdin anki ‘iħarbtu l-ħajja tar-residenti’ minbarra li jimponu piż żejjed fuq is-servizzi tal-ilma u tat-trasport.

Intant, meta wieħed iqis li t-turiżmu qed jagħmel tajjeb għal 12 fil-mija tal-prodott ekonomiku u 16 fil-mija tal-impjiegi fid-diversi reġjuni ta’ Spanja, jibqa’ fatt li l-pajjiż ma jaffordjax li jnaffar it-turist li hu sors tad-dħul kruċjali.

Spanja kienet dejjem destinazzjoni popolari mat-turisti u, din is-sena, qed tattira numri rekord ta’ viżitaturi li ma jridux jissugraw bi vjaġġi lejn pajjiżi ta’ sigurtà diskutibbli; fosthom it-Turkija, l-Eġittu u t-Tuneżija.

L-ispinta fit-turiżmu għenet lil Spanja tirkupra minn riċessjoni u tikkontrolla kriżi tax-xogħol. Iżda l-qabża fis-settur ħalliet wkoll impatt negattiv għal ħafna Spanjoli…

Ir-residenti fl-inħawi ta’ Palma de Mallorca, illum, jinkwetaw li n-numri ‘inkontrollabbli’ tat-turisti fosthom qegħdin inaqqru mill-identità u valur tan-neighbourhoods u monumenti lokali. Kelliema għall-assoċjazzjonijiet lokali jilmentaw ‘li t-turisti jridu jibdlu z-zoni tagħhom fi speċi ta’ theme park‘, bil-kunsill lokali ta’ La Seu ( neighbourhood ta’ Palma de Mallorca) jiddeċiedi li tipprojbixxi l-ipparkjar ta’ karozzi qrib il-katidral tal-post.

It-turiżmu jibqa’ sors kruċjali għall-impjiegi fil-Gżejjer Baleariċi, ‘il hinn mill-kosta ta’ Spanja fil-Lvant tal-Mediterran, minbarra li jagħmel tajjeb għal kważi nofs il-prodott ekonomiku mir-reġjun (u li jfisser aktar minn kwalunkwe reġjun ieħor).

Madankollu, il-boom tat-turiżmu qed iqajjem anki l-inkwiet qalb il-poplazzjoni, fost il-piż fuq ir-riservi tal-ilma fil-gżira ta’ Ibiza. Hemm ukoll ansjetà li l-preżenza eżaġerata ta’ barranin għandha tnaqqar mill-effett rurali ta’ Menorca, magħrufa għall-ġmiel naturali tagħha.

L-aħħar statistika minn Marzu turi li l-viżitaturi lejn l-arċipelago żdiedu b’50 fil-mija fuq l-2015 għal dak ix-xahar biss – u fejn spikkaw b’mod partikulari t-turisti mir-Renju Unit. Fl-istess ħin qed jinbiegħu ‘bħall-pastizzi’ il-btajjel all-inclusive għal waqt l-eqqel tas-sajf.

Ir-residenti f’Palma jafu li hemm il-ġranet partikolari meta huma għandhom jevitaw iċ-ċentru tal-belt, speċjalment ladarba l-port ikun mimli bid-dgħajjes tal-cruises li jġorru eluf ta’ passiġġieri barranin. Uħud mir-residenti jinkwetaw li, fiċ-ċirkustanzi, neighbourhoods sħaħ jistgħu jinbidlu f’resorts ‘addizzjonali’ fejn kull forma ta’ akkommodazzjoni tispiċċa għall-kiri lit-turist.

Tħassib simili kien wassal għal protesti rabbjużi, sentejn ilu, f’Barċellona, fejn residenti tal-beachfront areas organizzaw dimostrazzjonijiet kontra ż-żieda ta’ turisti żgħażagħ xurbana li ma kenux qed jirrispettaw il-liġijiet. Dan minkejja li, fl-istess ħin, kien għaddej kummerċ qawwi fil-forma ta’ kiri ta’ appartamenti mit-turisti fil-belt ta’ Barċellona u l-madwar.