Lokali

The Sense Group b’aktar responsabbiltajiet għal min jaħdem fil-bars

Kodiċi ġodda introdotti minn The Sense Group qed jitfgħu aktar responsabbiltà fuq l-impjegati fil-bars biex jaraw li l-klijenti jixorbu b’mod responsabbli.

Fil-kodiċi ppreżentati, The Sense Group qed jappella lil dawk li jaħdmu fil-bars biex ma jbigħux alkoħol lil min hu magħruf li hu alkoħoliku, filwaqt li jaraw li jkunu infurmati dwar l-aġir ta’ min hu alkoħoliku.

Filwaqt li jappella biex dawk li jaħdmu fil-bars ikunu jafu x’inhu l-limitu legali tal-konsum minn min ikun se jsuq, The Sense Group jgħid li dawn għandhom ikunu stretti billi ma jservux alkoħol lil min jissuspettaw li qabeż il-limitu ta’ konsum.

Dwar sewqan, The Sense Group jgħid li l-impjegati tal-bars għandhom joffru mezz alternattiv ta’ trasport f’każ li klijent ikun qabeż il-limitu ta’ konsum alkoħoliku u se jsuq. Dan fl-istess waqt li jaraw li jikkontrollaw xi argumenti jew aġir anti-soċjali billi joħorġu lill-klijenti barra mill-istabbiliment.

The Sense Group, magħmul minn numru ta’ produtturi u importaturi ta’ prodotti alkoħoliċi, ilu għal dawn l-aħħar snin jagħmel kampanji għal konsum responsabbli ta’ prodotti alkoħoliċi minn dawk li għandhom l-età permessibbli mil-Liġi.

Id-Direttur Ġenerali ta’ The Sense Group Ray Grech qal li dawn il-kodiċi huma bbażati fuq il-prinċipju li kulħadd għandu jkun responsabbli f’għemilu għall-ġid ta’ dawk madwaru. Sostna li l-għan tal-Grupp hu li jeduka lill-pubbliku u lil dawk li jaħdmu fl-industrija tax-xorb alkoħoliku biex ikun evitat xorb b’mod irresponsabbli.

Dawn il-kodiċi ntlaqgħu tajjeb mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li sejħilhom bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.