Internazzjonali

Aġġornata: Fil-Belġju – Instab liebes ċinturin tal-isplussivi falz waqt tensjoni fi Brussell

Raġel li spiċċa arrestat waqt azzjoni anti-terroristika fil-qalba ta’ Brussell instab li kien liebes ċinturin simili għal dawk li jintlibsu mit-terroristi suwiċida u li, maż-żmien, kien ikkonfermat bħala ‘ċinturin finta’.

L-inċident seħħ ġo ċentru kummerċjali ewlieni fil-kapitali Belġjana u l-Uffiċċju tal-Prosekutur qal li ċ-ċinturin, minflok splussivi, kien fih ‘kwantità ta’ melħ u biskuttini’.

Ir-raġel inkwistjoni, kmieni dalgħodu, kien ċempel lill-pulizija biex jinfurmahom li ‘hu kien inħataf minn persuni mhumiex identifikati li ġiegħeluh jilbes ċinturin bl-isplussivi’.

Intant, il-belt ta’ Brussell għaddiet minn minuti ta’ tensjoni akuta waqt li ngħalqu t-toroq madwar iċ-ċentru kummerċjali City 2. Dan ukoll waqt li żdiedet il-preżenza ta’ pulizija armata. Intant, marret fuq il-post skwadra tal-bomb disposal, bl-awtoritajiet jieħdu kull miżura possibbli bħala prekawzjoni.

Fil-preżent, l-awtoritajiet fi Brussell għaddejjin bl-investigazzjonijiet biex jaraw jekk l-inċident kellux konnessjoni ‘ċara’ mat-terroriżmu.

Ir-raġel, li spiċċa arrestat, kien identifikat biss bl-inizjali ‘JB’ u kelliema għall-pulizija, l-istess bħall-prosekuturi, qalu li hu għandu storja ta’ problemi psikjatriċi.

Intant, il-prosekuturi, bħalissa, ma jistgħux jivverifikaw rapporti fis-sens li dan ir-raġel, ‘riċentement’, kien imħajjar biex jissieħeb mal-ISIS fis-Sirja.

Il-Prim Ministru Belġjan, Charles Michel, tkellem dwar id-drama fi Brussell wara laqgħa għaċ-ċentru nazzjonali li jitratta sitwazzjonijiet ta’ kriżi fuq livell nazzjonali.

Hu qal li ‘għalissa, is-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll’, għalkemm is-servizzi tas-sigurtà Belġjani xorta waħda qed isegwu livell għoli ta’ viġilanza, meta l-Belġju jinsab attent għal kwalunkwe possibbiltà ta’ azzjoni terroristika.

brussell shopping mall