Il-Pulizija arrestat żagħżugħ ta’ 17-il sena li għall-ħabta tas-1pm aġixxa b’mod aggressiv ma’ numru ta’ persuni residenti f’Villa Chelsea f’Birkirkara, li hi propjetà tar-Richmond Foundation.
Fil-post issejħu l-Pulizija wara li l-aggressjoni ħonqot il-paċi li normalment ikun hemm f’din ir-residenza. Jirriżulta li ż-żagħżugħ beda jhedded lill-vittmi b’oġġetti tal-kċina.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li r-raġel ma riedx jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija, li min-naħa tagħhom iċċirkondaw ir-residenza.
Mhux magħruf x’wassal għal dan l-argument, bir-raġel spiċċa arrestat wara diversi mumenti ta’ kommossjoni u s-sitwazzjoni rritornat għan-normal.
Aktar kmieni …
Il-Pulizija qed tinvestiga rapporti serji li waslulha dwar aggressjoni li nqala’ f’residenza li hi propjetà tar-Richmond Foundation f’Birkirkara.
Mill-ewwel informazzjoni li waslet għand NETnews.com.mt jirriżulta li l-Pulizija kienet informata li xi persuna mhux magħrufa qed iżżomm xi ostaġġi f’Villa Chelsea.
Intant f’reazzjoni permezz ta’ stqarrija l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers esprmiet solidarjeta’ mal-Fondazzjoni Richmond u l-Aġenizija Appoġġ, b’mod partikolari l-professjonisti u s-social workers li kienu involuti u ndarbu fl-inċident waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.
L-assoċjazzjoni tikkundanna kull tip ta’ vjolenza fuq professjonisti u b’mod partikolari fuq social workers u l-assoċjazzjoni tappella għal passi neċessarji biex inċidenti bħal dawn ma’ jibqgħux jiġru. L-assoċjazzjoni appellat ukoll biex żagħżagħ bi problemi jkollhom akkomodazzjonijiet alternattivi għat-terapija.
L-assoċjazzjoni saħqet dwar l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-entitajiet kollha u biex ikun assigurat li r-riżorsi kollha jitpoġġew fl-istrutturi adegwati biex jibqgħu jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ it-tfal u ż-żgħażagħ.