Alfred Mifsud, il-persuna nnominata mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, informa lill-Prim Ministru li ma jixtieqx ikun ikkunsidrat iżjed għall-kariga ta’ Gvernatur.
Alfred Mifsud ħabbar dan f’email qasira, li ntbagħtet lill-mezzi tax-xandir ftit minuti qabel ma l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet Mozzjoni fil-konfront tiegħu. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kien diġà ppubblika sejħa għall-istampa biex il-kelliema tiegħu jinfurmaw lill-ġurnalisti bil-Mozzjoni relatata.
Dan kollu qed iseħħ wara li isem Alfred Mifsud irriżulta minn xhieda li l-eks sieħba tiegħu tat lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dwar kif Mifsud allegatament irċieva flus mingħand negozjant waqt li kien Chairman tal-Mid Med Bank. L-eks sieħba ta’ Mifsud qalet li n-negozjant Ronnie Demajo mar mill-anqas tliet darbiet id-dar tal-koppja b’Lm50,000 fi flus kontanti kull darba.
Hi kompliet tispjega li min-naħa tiegħu, Alfred Mifsud kien jibgħat lill-eks sieħba tiegħu biex tiddepożita Lm10,000 kull darba fil-kont bankarju tagħha qabel ma kien jitlobha toħroġlu ċekk bl-istess ammont biex jidher li l-flus waslu mingħandu.
F’kummenti ppubblikati llum mill-ġurnal The Malta Independent, Alfred Mifsud ammetta li kien jiltaqa’ ma’ Demajo u li kien jirċievi rigali mingħandu. Iżda filwaqt li ammetta li ġieli rċieva xi flixkun whiskey jew inbid, Mifsud sostna li n-negozjant qatt ma tah rigali li jiswew il-flus.
Intant fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li rebaħ is-sens komun.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota li fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil tal-flus fil-konfront tal-persuna magħżula mill-Prim Ministru biex tinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali, l-istess Alfred Mifsud ħabbar li m’għadux interessat li jinħatar f’din il-kariga. Dan huwa pass ta’ sens komun.
Il-pass li ttieħed minn Alfred Mifsud – u mhux mill-Prim Ministru – ttieħed ukoll fid-dawl tal-fatt li kif ikkonferma l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, dan il-każ saħansitra ġie diskuss fuq livell ta’ Bank Ċentrali Ewropew, u li l-istess Alfred Mifsud qed jiġi investigat mill-Pulizija.
Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, Alfred Mifsud għandu wkoll jissospendi lilu nnifsu mill-kariga ta’ Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, li hi t-tieni l-ogħla kariga fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, liema kariga nħolqot proprju biex Alfred Mifsud jinħatar f’din il-kariga.
//= $special ?>