Imħallef Eġizzjan annulla d-deċiżjoni tal-Gvern tiegħu biex żewġ gżejjer fil-Baħar l-Aħmar ikunu ttrasferiti lura lill-Arabja Sawdija.
Madankollu, il-verdett tal-qorti mhux wieħed finali u li jorbot, meta jista’ jinqaleb minn qorti ogħla tal-Eġittu.
Il-President tal-Eġittu, Abdul Fattah al-Sisi, kien ħabbar , f’April, li l-gżejjer ta’ Tiran u Sanafir kienu qed jingħataw lura lis-Sawdi, bl-aħbar tingħata waqt li kienet għaddejja żjara fil-pajjiż tar-Re Salman, tal-Arabja Sawdija.
‘Il fuq minn 150 persuna spiċċaw il-ħabs b’konnessjoni mal-protesti li qamu dwar dan l-arranġament, iżda ħafna minn dawn, ‘il quddiem, kienu maħfura jew kellhom is-sentenzi mnaqqsin fuq appell.
Ir-Re Salman, waqt iż-żjara fl-Eġittu, kien ħabbar pakkett ta’ għajnuna (mingħand l-Arabja Sawdija) ekwivalenti għall-multi-biljuni lill-Eġizzjani, b’ħafna fost l-Eġizzjani jakkużaw lill-President al-Sisi ‘rigward il-bejgħ tal-gżejjer inkwistjoni’.
Min-naħa tiegħu, il-President Eġizzjan kien imġiegħel jiddefendi dan il-pass waqt li insista li ‘l-gżejjer ta’ Tiran u Sanafir dejjem kienu tal-Arabja Sawdija’.
Il-gżejjer ta’ Tiran u Sanafir huma diżabitati u jinsabu fid-daħla għall-Golf ta’ Aqaba, li hu zona tal-Baħar l-Aħmar magħrufa għall-importanza strateġika u li għandha lill-Ġordan, Iżrael, l-Eġittu u l-Arabja Sawdija mal-fruntieri.
//= $special ?>