Internazzjonali

Arrestat Ingliż ‘li ried jispara għal Donald Trump’ f’Las Vegas

Żagħżugħ Britanniku ta’ 19-il sena li, f’Las Vegas, ipprova jaħtaf l-arma ta’ pulizija waqt rally tal-kandidat Repubblikan, Donald Trump, qal li ‘hu għamel dan bil-ħsieb li jispara għal Trump’, li, f’Novembru, jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti, kontra l-kandidat tal-Partit Demokratiku.

Ir-raġel, identifikat bħala Michael Steven Sandford u li ġej minn Dorking, f’Surrey, ma għamilx dikjarazzjonijiet speċifiċi ‘dwar il-ħtija jew l-innoċenza tiegħu’ meta tressaq quddiem Imħallef fl-Istat ta’ Nevada. Intant, hu se jinżamm taħt arrest sa dakinhar tas-smigħ li hu indikat għall-5 ta’ Lulju.

Sandford hu akkużat bħala l-awtur ta’ ‘azzjoni vjolenti li seħħet f’zona ristretta’ u, skont ir-rapporti, hu kien ipprova jaħtaf l-arma lill-pulizija waqt taparsi tentattiv biex jikseb il-firma ta’ Donald Trump matul ir-rally partikolari ta’ nhar is-Sibt.

Iż-żagħżugħ qal ukoll li hu kien ilu sena jippjana mezz ‘biex ikun jista’ jispara għal Donald Trump’, iżda kien biss issa, li hu ddeċieda li jieħu l-azzjoni ‘għaliex sa fl-aħħar ħassu fiduċjuż biżżejjed fil-kapaċitajiet tiegħu’. Dan skont id-dokumenti li ħarġu mill-qorti ta’ Nevada.

L-istess dokumenti qalu li Sandford qatt ma kien spara arma tan-nar f’ħajtu u li hu, fis-17 ta’ Ġunju, kien mar f’shooting range ta’ Las Vegas biex jitgħallem kif jispara.