Lokali Qorti

Eritrean jinżamm taħt arrest wara sejba ta’ kannabis u mobile misruq

Awet Estifanos Weldetinsae, Eritrean ta’ 25 sena, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li kellu fil-pussess tiegħu 1.7g droga kannabis.

Liebes flokk b’diżinji ta’ pjanti tal-kannabis, iż-żagħżugħ Eritrean tressaq quddiem il-Qorti mill-Ispettur Elton Taliana akkużat ukoll li seraq mobile b’valur ta’ madwar €400, li żamm għandu oġġetti misruqa, kif ukoll li hu reċidiv.

Weldetinsae kien arrestat ilbieraħ filgħaxija f’Paceville wara li Pulizija li kienu fuq ronda nnutawh jaġixxi b’mod suspettuż. Kif induna bil-Pulizija, hu pprova jaħbi l-mobile u r-reżina tal-kannabis taħt tyre ta’ karozza li kienet ipparkjata.

Meta mistoqsi mill-Pulizija fil-post, hu qalilhom li l-affarijiet misjuba ma kienux tiegħu.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Patrick Valentino, li qed jidher għall-Eritrean, ma talabx għal-libertà proviżorja minħabba li l-akkużat m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna.