Lokali Parlament

Id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali għandu jkun sospiż sakemm issir l-investigazzjoni

Wara li l-Prim Ministru Muscat baqa’ silenzjuż u kien id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali li talab li ma jkunx ikkunsidrat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-istess Bank, issa għandu wkoll jissospendi lilu nnifsu mill-kariga ta’ Deputat Gvernatur sakemm ikun deċiż il-każ li dwaru hemm allegazzjonijiet serji.

Dan ididkjaratu d-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono fil-Parlament fil-ħin tal-aġġornament tal-bieraħ filgħaxija meta rriferiet għad-deċiżjoni li ħa Alfred Mifsud aktar kmieni fil-ġurnata.

Id-Deputat Nazzjonalista enfasizzat il-fatt li kellu jkun l-istess Mifsud li fehem is-serjetà tal-każ wara diversi jiem u mhux il-Prim Ministru, kif wieħed kien jistenna, li jieħu deċiżjoni hekk importanti.

Kristy Debono qalet li għaddew ġimgħa u nofs li matulhom saret ħsara mhux żgħira lill-Bank Ċentrali u għalhekk l-Oppożizzjoni kienet tistenna li l-Gvern ma jkaxkarx saqajh u kellu jieħu deċiżjoni mill-ewwel. Il-Prim Ministru qal li kellha tiġi rispettata l-indipendenza tal-Bank Ċentrali u għalhekk kellu jieħu passi immedjati hekk kif issemma l-każ.

Il-Gvern m’għandux jibqa’ ilsir tal-kompromessi ta’ qabel l-elezzjoni
Kristy Debono qalet li Alfred Mifsud mhux se jkun qed jiffaċċja l-allegazzjonijiet bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali, iżda xorta waħda se jkun viċin l-istess istituzzjoni bħala Deputat Gvernatur. Għalhekk, sakemm ikunu konklużi l-investigazzjonijiet, il-Gvern, jew l-istess Mifsud għandu jara li jissospendi lilu nnifsu minn din il-kariga.

Kristy Debono esprimiet is-sodisfazzjon għall-kumment li sar mill-Ministru tal-Finanzi li hemm il-ħsieb li jitwaqqaf kumitat parlamentari biex jiskrutinja l-persuni nominati f’karigi importanti. S’issa jidher biss li dan hu sempliċi kliem u kellha tkun l-Oppożizzjoni li tieħu passi. Appellat lill-Gvern biex ma jibqax ilsir tal-kompromessi ta’ qabel l-elezzjoni u jara li jsiru l-affarijiet b’mod serju.

Aktar tibdil fis-sistemi tat-traffiku bla konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali
Id-Deputat Nazzjonalista tkellmet ukoll dwar it-tibdil li sar fis-sistema tat-traffiku partikolarment fl-inħawi ta’ Triq Caruana Dingli u Vjal ir-Rihan f’San Ġwann. Dawn jidher li saru minn persuna jew persuni li żgur ma resqux lejn l-inħawi. It-tibdil li sar laqat mill-aktar ħażin lir-residenti kif ukoll lill-komunità kummerċjali b’effetti mill-aktar ħżiena anke lid-dħul tagħhom.

Kristy Debono qalet li dan it-tibdil ukoll laqat għexieren ta’ familji li sabu toroq residenzjali mibdula f’arterji prinċipali tat-traffiku. F’dan it-tibdil kollu jidher li ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali. Jidher li l-Kunsill ġie infurmat biss bit-tibdil wara li dan sar. Dan juri n-nuqqas ta’ rispett li l-Gvern preżenti għandu għall-Kunsilli Lokali.

Id-Deputat Nazzjonalista appellat lill-Ministru biex iwieġeb il-mistoqsijiet li qed isirulu dwar it-tibdil li qed isir mingħajr ippjanar u mhux ikompli jaħrab milli jwieġeb għad-diffikultajiet li qed isibu ma’ wiċċhom iċ- ċittadini.

Din l-istess problema għaddejjin minna r-residenti f’Ta’ Xbiex fejn hemm ukoll saru tibdiliet li laqtu ħażin lir-residenti wara li ma saret l-ebda konsultazzjoni.