Lokali

Il-klabb ta’ Marsascala Sports Club ingannat mill-Uffiċjali tal-Gvern

Keith Schembri u Uffiċjali Għolja tal-Gvern ma jżommux kelmthom mal-klabb u tinħareġ ordni ta’ żgumbrament

L-Uffiċjali ta’ Marsascala Sports Club qed jinsistu fil-Qorti li l-Gvern jirtira ordni ta’ żgumbrament li nħarġet dwar il-pixxina li l-klabb jopera minnha f’Marsaskala. Huma qed isostnu li kienu ngannati minn diversi Uffiċjali tal-Gvern, foshotm iċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, li wegħduhom investiment u post alternattiv, iżda fl-istess perjodu l-Gvern ħarġilhom ordni ta’ żgumbrament.

F’Rikors ippeżentat fil-Qorti mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, il-klabb ta’ Marsaskala spjega wkoll id-diskussjonijiet li l-Uffiċjali tal-klabb kienu involuti fihom mal-Gvern u dak li kien imwiegħed mill-Gvern. Ir-Rikors tressaq minn Aaron Simpson, Nathaniel Jones u Melchior Busuttil bħala President, Segretarju u Kaxxier tal-Marsascala Sports Club, li f’isem il-klabb daħlu f’kuntratt mal-Kummissarju tal-Artijiet fit-3 ta’ Gunju 2005.

Il-kuntratt ta’ kera tal-pixxina hu għal 16-il sena, li bdew mit-3 ta’ Ġunju 2005 u li kien jista’ jigi mtawwal mill-Gvern favur il-klabb għal żewg perjodi oħra tal-istess tul, kif normalment isir u sar mal-għaqdiet sportivi kollha li jkunu ħadu kirjiet simili mill-Kummissarju tal-Artijiet.

Il-klabb qed isostni li qed isofri danni u ħsara irreparabbli minħabba l-iżgumbrament illegali li jikser il-Kostituzzjoni. L-Uffiċjali tal-klabb saru jafu li reċentement, permezz ta’ kuntratt ta’ enfitewsi temporanja datat 11 ta’ Marzu 2016, il-Kummissarju tal-Artijiet ikkonċeda b’titolu ta’ enfitewsi temporanja għal 99 sena, it-territorju sħiħ tal-post okkupat mill-klabb, lill-kumpannija Sadeen Education Investment Limited.

M’għandux ikun hemm dubju li l-ħruġ ta’ ordni għall-iżgumbrament jikser id-drittijiet tal-klabb u qed inezzagħhom b’mod illegali mill-pussess tal-post minnhom okkupat. F’Ġunju 2015, l-Uffiċjali tal-klabb semgħu fl-aħbarijiet lokali li l-Gvern ħabbar li se jagħmel proġett tal-hekk imsejħa “Università Amerikana” ta’ Malta fiż-Żonqor proprju fiż-żona fejn hemm il-Kumpless tal-Pixxina tal-klabb. Sa dakinhar, huma ma kienu ġew avviċinati mill-ebda persuna mill-Gvern.

F’Lulju 2015, Aaron Simpson u Melchior Busuttil ġew imsejħa għal laqgħa fl-Uffċċju tal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja, fejn kellmuhom Keith Schembri u Alex Muscat, iċ-Chief of Staff u d-Deputy Chief of Staff tal-Prim Ministru rispettivament. L-Uffiċjali tal-klabb ġew imwegħda li se jkunu involuti fil-proġett taż-Żonqor minn Sadeen Group minħabba li riedet tinbena ‘indoor pool’ ġdida.

F’Settembru 2015, l-Uffiċjali kollha tal-klabb kellhom laqgħa oħra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministur ma’ Schembri u Muscat, li f’isem il-Gvern, qalulhom biex ma joqgħodux jinkwietaw għax is-Sadeen Group se jiffinanzja l-ispejjeż kollha relatati mar-rilokazzjoni tal-klabb ta’ Maraskala u anke jkun l-isponsor tal-Club. Saħansitra, Keith Schembri qal lill-Uffiċjali tal-klabb li l-Gvern kien se jonfoq u jinvesti madwar €6 miljun biex jipprovdi post alternattiv għall-Marsascala Sports Club.

F’Novembru 2015 saret laqgħa oħra fl-Uffċċju tal-Prim Ministru bejn l-Uffiċjali tal-klabb u Uffiċjali oħra tal-Gvern, fosthom il-perit Jesmond Mugliett, fejn kien hemm qbil li jsir proġett għal Marsaskala, fejn hemm il-pitch eżistenti ta’ ‘heated enclosed pool’ flimkien ma’ kiosk fuq il-bejt, ristorant ieħor u ‘diving centre’.

Wara żewġ laqgħat oħra f’Novembru 2015, kien hemm laqgħa f’Diċembru 2015 fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bejn l-Uffiċjali tal-klabb u Uffiċjali tal-Prim Ministru, bl-Uffiċjali tal-klabb intalbu jipprovdu l-kuntratti kollha li għandhom, inkluż dak tal-‘catering’, kif ukoll il-baġit previst tal-klabb għas-snin li ġejjin.

L-Uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għamluha ċara lill-Uffiċjali tal-klabb li jekk mhux il-Gvern, Sadeen Group se jagħmel tajjeb żgur għal kull telf finanzjarju li l-klabb jista’ jkollu fil-futur. F’laqgħa li saret fil-bidu ta’ Frar 2016 fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma’ madwar disa’ Uffiċjali minn Kastilja (inkluż id-Deputy Chief of Staff Alex Muscat, James Grech, il-Perit Jesmond Mugliett, espert marittimu, inġinier u periti), l-Uffiċjali tal-klabb ġew infurmati li l-Gvern aċċetta li jibnilhom pixxina ġdida, iżda li ma tkunx mgħottija. Din tkun imsaħħna u l-faċilitajiet ikunu installati fit-tieni fażi wara l-kostruzzjoni.

Fis-26 ta’ Frar 2016, wara kważi tmien xhur diskussjonijiet ma’ diversi rappreżentanti għolja tal-Gvern fejn qatt ma ssemmiet xi terminazzjoni tal-kirja mill-Gvern, l-Uffiċjali tal-klabb ġew notifikati bl-Ittra Uffiċjali tal-Kummissarju tal-Artijiet li fi żmien tliet xhur kienet se tiġi tterminata l-kirja tal-klabb. L-Ittra Ufficjali kienet diġà ġiet ipprezentata jumejn qabel. Dan ifisser li waqt li kienu għaddejjin id-diskussjonijiet bejn l-Uffiċjali tal-klabb u l-Gvern, suppost b’rieda tajba u fuq bażi ta’ raġuni, bla kliem u bla sliem il-Gvern ħareg Ittra Uffiċjali ta’ terminazzjoni kontra l-klabb. L-Uffiċjali tal-klabb qatt ma kienu infurmati bl-Ittra matul il-ħafna laqgħat li kienu saru mal-Gvern.

F’Marzu 2016, f’laqgħa oħra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Uffiċjali tal-klabb iltaqgħu ma’ James Grech mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ma’ Avukat ta’ Sadeen Group. Huma kienu infurmati li l-Gvern kien issottometta lill-MEPA l-pjanta tas-sit alternattiv għall-klabb u intqalilhom li t-tnedija tal-pixxina l-ġdida kellha ssir mill-Gvern f’April 2016.

F’din il-laqgħa, l-Uffiċjali tal-klabb reġgħu għamlu referenza għall-Ittra Uffiċjali ta’ terminazzjoni li rċevew fi Frar 2016 u wrew l-inkwiet kbir tagħhom. James Grech mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalilhom biex ma jinkwetawx.

F’April 2016, wara li l-Uffiċjali tal-klabb kienu mwegħda li appena r-rappreżentanti ta’ Sadeen Group ikunu Malta, kienu se jiltaqgħu magħhom. Madankollu, meta l-Ġordaniżi kienu Malta, ħadd ma għamel kuntatt magħhom. Meta l-Uffiċjali tal-klabb semgħu li dawn kienu qed jiltaqgħu ma’ diversi entitajiet f’Marsaskala iżda mhux magħhom, l-Uffiċjali tal-klabb ċemplu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

L-għada saret laqgħa bejn l-Uffiċjali tal-klabb u r-rappreżentanti ta’ Sadeen Group, fejn minkejja ħafna kliem sabiħ, matulha ma ngħatalhom l-ebda garanzija jew xi impenn ta’ għajnuna, kif kien intqalilhom qabel li se jiġri mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Meta l-Uffiċjali tal-klabb stiednu lir-rappreżentanti ta’ Sadeen biex jgħidulhom xi ħaġa dwar ‘sponsorhip’ jew għajnuna, kif kienu ġew aċċertati miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, minn Sadeen Group qalulhom li dan kien diskors prematur għax lanqas liċenzja biex joperaw bħala Università ma kellhom.

F’nofs Mejju 2016, f’laqgħa oħra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Uffiċjali tal-klabb ġew infurmati li minkejja li l-Prim Ministru kien ta struzzjonijiet biex l-ispejjeż tal-proġett alternattiv għall-klabb ma kellhomx jaqbżu €3 miljuni (nofs dak imwiegħed fil-laqgħat preċedenti miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru) ma kellhomx għax jinkwietaw minħabba li l-Gvern kien se jsib alternattiva għall-klabb, anke billi tinbena pixxina fuq l-art ‘il ġewwa, jekk ikun il-bżonn.

F’din il-laqgħa, l-Uffiċjali tal-Gvern ħasdu lill-Uffiċjali tal-klabb u marru lura mill-impenn li kienu taw kemm-il darba fil-laqgħat ta’ qabel, filwaqt li ċaħdu li qatt kienu wegħdu xi għajnuna anke finanzjarja lill-klabb.

L-Uffiċjali tal-klabb qed isostnu li l-intenzjonijiet ħżiena tal-Uffiċjali tal-Gvern u l-għemil inġust tagħhom joħorġu evidenti meta wieħed jara li filwaqt li l-Gvern, kien inkluda għal xhur sħaħ lill-Uffiċjali tal-klabb f’diskussjonijiet suppost ibbażati fuq sens ġust u ġustizzja b’wegħdi fażulli ta’ lok alternattiv, l-istess Uffiċjali tal-Gvern urewhom id-debba iżda qabbżulhom il-ħmara meta ngannawhom u għaddewhom biż-żmien.