Ambjent Lokali

Il-politika f’pajjiżna għandha ssir bi skrutinju akbar u aktar trasparenza

Il-proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fl-Ambjent u fil-Governanza Tajba huma ntiżi biex inaqqsu l-poter minn idejn il-Gvern ħalli l-poter jgħaddi għand il-Parlament. Hu għalhekk li fil-proposti għal bini fl-ODZ, il-Partit Nazzjonalista qed jiproponi li jkunu żewġ terzi tal-Parlament li jagħtu l-approvazzjoni u mhux il-Gvern jiddeċiedi waħdu.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa fid-Dar Ċentrali mal-GRTU, li tmexxi l-kumpanija GreenMT. Simon Busuttil qal li GreenMT hi inizjattiva frott is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, fejn problema nbidlet f’opportunità.

Dwar il-proposta radikali biex insalvaw l-ODZ ta’ pajjiżna, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab sodisfatt bir-rispons li qed jirċievi għax b’din il-proposta, il-Partit Nazzjonalista qed jiggarantixxi li l-proċess ta’ skrutinju jissaħħaħ u tiżdied it-trasparenza. Sostna li jrid ineħħi l-mentalità tal-konfrontazzjoni, fejn il-Gvern jibqa’ għaddej mingħajr ma jagħti każ ħadd.

Min-naħa tiegħu, filwaqt li rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-ħin li sab għal din il-laqgħa, il-President tal-GRTU Paul Abela sostna li l-ftuħ ta’ żewġ kumpaniji mill-GRTU (GreenMT u WEEE – Waste Electrical and Electronic Equipment) ħolqu 16-il impjieg ġdid. Hu qal li l-GreenMT bdiet fl-2009 bi 13-il membru u llum għandha 1,200 membru, filwaqt li l-WEEE għandha 407 membri. Dawn l-impjiegi huma kollha ‘green jobs’.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji ż-Żgħar Robert Arrigo, mill-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali Jacqueline Azzopardi u Dorian Sciberras, kif ukoll mill-President tal-Forum SMEs Partit Nazzjonalista Andre Grech.