(Ritratt: The Malta Independent)
Minflok il-bankarelli tal-Monti, il-Gvern qed jipproponi kontejner fuq ir-roti, fil-forma ta’ karozza tal-linja. Dan ġie żvelat f’artiklu ppubblikat fil-ħarġa tal-lum ta’ The Malta Independent.
Skont il-ġurnal, fl-aħħar jiem issoktat is-saga tal-Monti tal-Belt wara li l-Gvern rema għal kollox id-disinn li rebaħ il-kompetizzjoni tal-Kamra tal-Periti. Jirriżulta li l-Ministeru mmexxi minn Chris Cardona ta ċekk lill-Perit li rebaħ il-kompetizzjoni, iżda rema d-disinn u minflok, se jagħmel kontejners fuq ir-roti bħala bankarelli għall-bejjiegħa tal-Monti.
Sadanittant, il-ġurnal The Times of Malta irrapporta li l-Monti tal-Belt se jkun qed jiċċaqlaq għall-post il-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin. Madankollu, is-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli f’kummenti lis-sit Newsbook.com.mt, sostna li ma ġiex infurmat b’data meta se jiċċaqlaq il-Monti. Dingli qal ukoll li lanqas ma kellu informazzjoni dwar il-bankarelli l-ġodda.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Periti Chris Mintoff, f’kumment lil NETnews, qal li ma kien jaf xejn bil-proposta l-ġdida tal-bankarelli. Spjega li l-aħħar komunikazzjoni li kellu mal-Ministeru kien f’Jannar li għadda u li sar jaf b’dawn l-iżviluppi mill-aħbarijiet.
Anke l-Gvern ireagixxa għall-istorja ta’ The Malta Indipendent u stqarr li skont hu l-konsultazzjoni għadha għaddejja. L-istqarrija rreferiet għall-bankarelli l-ġodda bħala trailers, kif issuġġerit f’laqgħa li saret dan l-aħħar mill-Ministeru ta’ Chris Cardona.
//= $special ?>