Internazzjonali

L-Istati Uniti: Miċħuda restrizzjonijiet għall-armi lil suspettati dwar terrur

Is-Senat Amerikan ċaħad pjani għal kontrolli akbar fuq l-armi tan-nar li, fost oħrajn, jinkludu restrizzjonijiet għall-bejgħ tal-armi lil persuni li għandhom isimhom imniżżel fuq il-listi (watch lists) ta’ terroristi magħrufa jew suspettati.

Kienu tressqu erba’ proposti quddiem is-Senat ta’ Washington wara l-qtil, jiem ilu, ta’ 49 persuna minn raġel armat f’nightclub iffrekwentat mill-omosesswali fil-belt ta’ Orlando, fi Florida.

Madankollu, is-senaturi tal-Partit Demokratiku u tal-Partit Repubblikan ivvutaw fuq il-linji-gwida tal-partiti rispettivi u fejn, effettivament, imblukkaw l-abbozzi ta’ xulxin.

Spikka wkoll id-diżgwid qawwi fost is-senaturi dwar kif l-awtoritajiet jistgħu, fil-futur, jevitaw aktar attakki bħal dak ta’ Orlando.

Ir-Repubblikani u l-membri tan-National Rifle Association (NRA) ilmentaw li l-abbozzi tal-liġi dwar l-armi li ressqu d-Demokratiċi jabbużaw id-dritt kostituzzjonali tal-Amerikani biex iżommu l-armi. Dawn huma mħassbin li, f’każi fejn ma jkunx hemm trattament xieraq permezz tas-sistema ġudizzjarja normali, l-Amerikani li jirrispettaw il-liġi u li jitniżżlu bi żball fuq il-watch lists ikunu pprojbiti milli jixtru l-armi.

Mill-banda l-oħra, id-Demokratiċi qalu li l-proposti li ressqu r-Repubblikani huma ‘wisq dgħajfin’.

Ftit aktar minn ġimgħa qabel il-vot fis-Senat, Omar Mateen, ċittadin Amerikan ta’ nisel Afgan, qatel 49 persuna fi sparatura fl-imsemmi nightclub; bl-inċident jissemma bħala l-agħar qtil tal-massa fi sparatura fl-istorja riċenti tal-Istati Uniti. Filwaqt li Mateen kien ilu magħruf mal-FBI mill-2013, hu ma kienx imniżżel fuq watch list tat-terroriżmu.

Fl-Istati Uniti, id-dealers tal-armi huma liċenzjati mill-Gvern federali. In-nies jistgħu jinżammu milli jixtru l-armi f’każ li huma jkollhom il-problemi mentali inkella jekk ikunu ħatja dwar reati serji. Intant, ma teżisti l-ebda projbizzjoni speċifika għan-nies fuq l-hekk-imsejjaħ terrorism watch list, li bħalissa jinkludi madwar miljun isem.