Lokali

Mill-PBS b’diskriminazzjoni għall-Gvern Li Jisma’ f’Kastilja

Rachel Baldacchino, Il-ġurnalista tal-istazzjon nazzjonali, li ddaħħlet taħdem fil-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Reno Bugeja s-sena li għaddiet, tqabbdet minn Kastilja biex tmexxi l-attivitajiet ta’ Gvern Li Jisma’ li qed isiru f’Kastilja, bl-ewwel attività tkun dik tal-bieraħ tal-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona. Rachel Baldacchino hija l-istess persuna li seba’ ġurnalisti tal-PBS kienu kostretti jiftħu proċeduri legali quddiem it-Tribunali Industrijali minħabba diskriminazzjoni kontrihom fil-paga.

Malli ddaħħlet fil-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Reno Bugeja, Rachel Baldacchino ngħatat paga aktar mill-ġurnalisti l-oħra – madwar €5,000 aktar, uħud minnhom li ilhom hemmhekk snin twal jaqdu dmirhom lejn l-istazzjon nazzjonali.

Qabel iddaħħlet fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, Rachel Baldacchino ma kellha ebda esperjenza fil-ġurnaliżmu, iżda fi ftit xhur, ingħatat l-inkarigu li tieħu ħsieb is-sit tal-aħbarijiet tal-PBS, u issa, saħansitra tmexxi l-attivitajiet tal-Gvern. Mhux magħruf x’inhu l-ħlas li se tkun qed tieħu Rachel Baldacchino għal dan ix-xogħol.

Sorsi li tkellmu ma’ netnews.com.mt sostnew li bosta persuni fil-PBS jinsabu dimotivati għall-mod kif qed jiġu trattati fix-xogħol tagħhom, b’mod speċjali għall-fatt li t-tmexxija tal-Kamra tal-Aħbarijiet qed timxi b’modi differenti ma’ persuni u mhux oħrajn.

B’rabta mal-każ legali dwar il-paga ta’ Rachel Baldacchino, il-ġurnalisti tal-PBS fetħu kawża quddiem it-Tribunal Industrijali f’Diċembru li għadda, jargumentaw li kellhom jingħataw l-istess salarju ta’ Rachel Baldacchino.