Tal-anqas sitt truppi tal-Ġordan tilfu ħajjithom waqt attakk b’vettura-bomba, qrib sit li qed iservi bħala kamp tar-refuġjati temporanju, fiz-zona tal-fruntiera mas-Sirja.
Indarbu almenu 14 oħra f’dan l-attakk fiz-zona remota ta’ Al-Rugban, li tinsab ftit mijiet ta’ metri biss ’il bogħod mill-kamp inkwistjoni. Intant, rapporti qalu wkoll li nqerdu kwantità ta’ ‘vetturi ostili’ ftit wara l-attakk.
Filwaqt li l-awturi tad-dmija ma kinux ikkonfermati, mhix l-ewwel darba li t-terroristi tal-ISIS ħarġu bit-theddida ‘li jkissru l-fruntieri tal-Ġordan’. Dan meta l-Ġordan hu membru importanti tal-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti kontra l-ISIS, bil-qawwiet tal-ajru Ġordaniżi jwettqu sensiela ta’ attakki fuq militanti fl-artijiet tas-Sirja.
Fl-attakk ta’ sigħat ilu – li kien l-ewwel ta’ dan it-tip mindu beda l-konflitt fis-Sirja, fl-2011 – karozza mimlija bl-isplussivi ħadet viċin ħafna ta’ pożizzjoni militari, fejn mietu erba’ gwardjani Ġordaniżi tal-fruntieri, flimkien ma’ żewġ membri tad-Dipartiment tal-Ġordan għad-Difiża Ċivili u s-Sigurtà Pubblika.
Sadattant, il-militar tal-Ġordan ħarġu stqarrija li azzjonijiet bħal dawn iqawwu d-determinazzjoni tal-Ġordaniżi ‘biex jiġġieldu kontra t-terroristi u l-ideoloġiji tagħhom.’
Fil-preżent, il-kamp tar-refuġjati fiz-zona ta’ Al-Rugban qed iżomm ‘il fuq minn 50,000 refuġjat f’kundizzjonijiet deplorevoli huma u jistennew permess għal aċċess fil-Ġordan.