Internazzjonali

It-tieni mewta fost kriżi ta’ nirien f’Ċipru

Miet membru ieħor ta’ skwadra għall-emerġenzi li ġarrab feriti fatali waqt li l-awtoritajiet f’Ċipru għaddejjin bi sforzi biex irażżnu l-agħar nirien għal snin li qabdu qalb foresta.

Dan il-membru kien f’vettura li nqalbet fl-eqqel tal-kriżi u mewtu segwiet dik ta’ kollega li kien involut fl-istess inċident, fir-reġjun tal-muntanji ta’ Troodos.

Il-President ta’ Ċipru, Nicos Anastasiades, esprima niket profond għat-telfa ta’ dawn iż-żewġ membri tas-servizzi għall-emerġenza, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li n-nirien, s’issa, ħakmu medda ta’ art ta’ foresta fuq tal-anqas għaxar kilometri kwadri.

Il-Pulizija jissuspettaw li n-nirien tqabbdu minn tifel ta’ 12 il-sena li kien qed jilgħab b’lighter tas-sigaretti, u bil-fjammi javvanzaw f’qasir żmien fost kundizzjonijiet ta’ sħana kbira.

Il-Greċja, ir-Renju Unit u Iżrael ikkontribwew ajruplani li qegħdin jgħinu lill-iskwadri Ċiprijotti biex jikkumbattu dawn in-nirien. Franza u l-Italja wkoll mistennija jibgħatu l-ajruplani u l-ħelikopters biex jgħinu jġibu s-sitwazzjoni taħt kontroll.