Internazzjonali

Aktar tixrid tad-demm fil-Libja

Bejn it-Tlieta u s-sebħ tal-Erbgħa hu stmat li fil-Libja nqatlu mill-anqas 60 persuna. Dan bejn il-ġlied li hemm għall-kontroll ta’ Sirte u splużjoni misterjuża barra Tripli.
Madwar 36 ġellied leali lejn il-Gvern ta’ għaqda nazzjonali nqatlu u 140 oħra ndarbu fil-ġlied li hemm kontra l-ISIS għall-kontroll ta’ Sirte.
Sadattant, madwar 29 persuna nqatlu wara splużjoni f’Garabulli, barra Tripli. Il-kawża tal-isplużjoni mhix magħrufa.Matul il-ġurnata tal-Erbgħa kien irrapportat li hemm sigurtà kbira fit-toroq li jagħtu lejn Garabulli.
Sadattant il-Logutenent Ġeneral Thomas D. Waldhauser, li għadu kemm sar responsabbli tal-forzi Amerikani fl-Afrika, ikkonferma li hemm stakkament ta’ truppi Amerikani fil-Libja jgħinu fil-ġlieda kontra l-ISIS – imma dan permess ta’ pariri u mhux direttament fil-ġlied. Hu qal dan waqt smigħ quddiem is-Senate Armed Services Committee.