Id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder appella lill-Gvern u lill-Parlament jindirizza d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom artisti Maltin biex jaħdmu fil-lukandi fil-qasam tad-divertiment, u saħaq li pajjiżna għandu jappoġġja b’inċentivi u b’leġiżlazzjoni aħjar il-potenzjal qawwi tal-artisti lokali.
Fl-Aġġornament tas-seduta parlamentari li ltaqgħet illum waranofsinhar, id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder tkellem dwar artisti Maltin li qed isibu problemi biex jaħdmu fil-qasam tad-divertiment li joffru l-lukandi lit-turisti.
Kompetizzjoni inġusta mill-barranin
Minħabba diversi raġunijiet, l-artisti Maltin qed isibu kompetizzjoni minn barranin u dan minħabba kompetizzjoni inġusta meta barranin qed jaċċettaw kundizzjonijiet inferjuri. Hemm ukoll problema li l-ispiża għal persuna Maltija hi ferm akbar minn dawk għal barranin. Appella biex naraw x’qed jiġri lill-artisti Maltin u biex jinstabu mezzi kif lukandiera jiġu mħeġġa jimpjegaw artisti Maltin. Dan ukoll biex it-turisti fil-lukandi jieħdu togħma wkoll tal-aspett Malti.
Appella għal inċentivi li jistgħu jiġu offruti lill-industrija biex il-lukandi jingħataw inċentiv jinkludu wkoll l-arti u l-kultura Maltija anke fil-qasam tad-divertiment lit-turisti. Semma inċentivi fiskali u sussidji biex artisti Maltin ikunu preżenti fl-esperjenza tal-prodott turistiku Malti.
Karl Gouder appella biex nitkellmu mal-lukandiera biex tiġi analizzata wkoll is-sitwazzjoni u jiġu identifikati d-diffikultajiet u l-problemi li jista’ jkun hemm.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Arti u l-Kultura fisser li huma ftit l-artisti Maltin li x-xogħol ewlieni tagħhom hu l-arti u l-qasam tal-kultura, u għaldqastant appella għal analiżi dak li qed jiġri fil-qasam tad-divertiment fil-lukandi hekk kif qed jonqsu aktar il-kuntratti mil-lukandi mal-artisti Maltin.
//= $special ?>