L-inkwiet tal-operatur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji kompla jiżdied minħabba li l-kredibilita’ ta’ Malta ħadet daqqa ta’ ħarta minħabba l-aġir tal-Gvern stess. Meta kien qed jitkellem b’reazzjoni għall-istqarrija ministerjali tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li rrapporta dwar qbil li ntlaħaq fi Brussell dwar il-pakkett ta’ miżuri dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxi, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil staqsa lill-Ministru tal-Finanzi dwar l-aġir tal-Gvern fi tliet okkażjonijiet differenti.
Hu staqsa lill-Ministru Sciclua jaħsibx li l-kredibilita’ ta’ Malta f’dan il-qasam intlaqtitx meta l-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jibqa’ jżomm lil Konrad Mizzi bħala Ministru minkejja li sar magħruf li għandu kumpanija sigrieti fil-Panama meta faqqa’ l-iskandlu dinji tal-Panama Papers.
Simon Busuttil staqsa wkoll jekk Edward Scicluna jaħsibx li qed issir ħsara lill-kredibilita’ ta’ Malta meta Ministru kollega tiegħu Evarist Bartolo jiftaħ attakk ta’ kuljum fuq iċ-Chairman tal-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk il-Gvern iħoss li għandu jneħħih, jaqbad u jagħmel dan iżda ma jistax ikun li jkun hemm Ministru li jattakkah u Ministru ieħor fl-istess Gvern jiddefendih.
Fl-aħħarnett, Simon Busuttil staqsa jekk Alfred Mifsud dehrlu li m’għandux ikun Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Ministru tal-Finanzi jidhirlux li Mifsud għandu jżomm il-kariga ta’ Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Hu saħaq li hemm il-kredibilita’ tal-Gvern u iktar importanti, il-kredibilita’ tal-pajjiż fin-nofs.
//= $special ?>