Ambjent Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jikkonsulta u jisma’ wara d-diżastru fit-traffiku f’San Ġwann u fil-lokalitajiet tal-madwar

Wara t-tibdil li sar fit-traffiku f’San Ġwann bit-tibdil li sar b’rabta mal-proġett tal-Kappara, u li ħoloq diżastru, kaos u inkonvenjenzi kbar, ix-Shadow Minister Marthese Portelli appellat lill-Ministru responsabbli mit-traffiku, Joe Mizzi, li f’ġieħ l-għajta tal-Gvern li jisma’, issa jisma’ x’qed jgħidulu r-residenti u dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi b’mod regolari, u wara li jismagħhom jipproponi soluzzjonijiet li joħolqu lanqas inkonvenjent possibbli.

Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport tkellmet fil-Parlament dwar it-traffic management plan il-ġdida li Transport Malta għamlet f’San Ġwann b’rabta mal-proġett tal-Kappara, fi Vjal ir-Rihan, fi Triq Salvu Busuttil, fi Triq Caruana Dingli u f’Ta’ Żwejt.

Kaos, traffic jams u inkonvenjent kbir għar-residenti, għall-ħwienet u n-negozji
Fissret li l-arranġamenti tat-traffiku ħolqu biss kaos, traffic jams u traffiku wieqaf, inkonvenjent kbir għar-residenti, inkonvenjent kbir għall-ħwienet u n-negozji. Ħolqu wkoll inkonvenjent kbir għal dawk li jgħaddu minn dawn it-toroq ta’ kuljum, periklu kbir għal min ikun irid jaqsam it-triq, problemi ta’ parking, u problemi biex dak li jkun idaħħal il-karozza tiegħu fil-garaxx jew joħroġha.

Marthese Portelli rrimarkat ukoll li min hu midħla tal-inħawi mill-ewwel jifhem il-problemi kbar li hemm ma ġewx milquta biss dawn it-toroq, iżda t-toroq kollha tal-madwar u l-lokalitajiet tal-madwar.

“Din il-ġimgħa xtaqt li waqt li kont qed nagħmel il-house visits kien hemm miegħi l-Ministru responnsabbli, il-Ministru Joe Mizzi, ħalli jisma’ hu b’widnejh id-diffikultajiet u l-problemi li qed jiffaċċjaw ir-residenti li joqogħdu fi Triq Salvu Busuttil, fi Triq Caruana Dingli, fl-area f’Ta’ Zwejt imma wkoll dawk li joqogħdu f’San Ġwann u s-Swieqi, fil-viċinanzi ta’ dawn it-toroq”, saħqet Marthese Portelli.

Semmiet li mara qaltilha li fejn is-soltu tieħu seba’ minuti biex toħroġ minn San Ġwann, issa ġieli qed iddum iktar minn 30 minuta. Anzjan spjegalha d-diffikultà li qed isib biex imur sal-knisja bil-mixi, u anzjan ieħor spjega kemm sar diffiċli biex jipparkja. Wasslet ukoll l-ilmenti tar-residenti ta’ Salvu Busuttil u ta’ Caruana Dingli li spiċċaw qishom qegħdin fuq l-iktar arterja traffikuża li għandna f’Malta.

Ix-Shadow Minister saħqet li l-problemi qed jibdew saħansitra minn fejn Tal-Balal. Appellat li ma jistax ikun li minħabba nuqqas ta’ ippjanar tajjeb qed ibati r-resident, ibati n-negozju, u jbati dak li jrid jasal fil-ħin għax-xogħol. Fakkret li r-residenti ta’ San Ġwann u tal-madwar sena ilu għaddew minn kalvarju waqt li kienet qiegħda ssir Birkirkara Road – bil-Ministru tat-toroq dakinhar waħħal fil-Ministru tal-Ilma u vice versa. Fakkret ukoll li dik it-triq damet maqlugħa u mkissra iktar minn sena.

Il-konsultazzjonijiet isiru biex attaparsi saru
Irrimarkat li dawn id-diżastri jiġru għax ma ssirx konsultazzjoni serja u ma’ kulħadd inkluż mar-residenti, għax il-konsultazzjonijiet isiru biex attaparsi saru u kollox mexxi u suq ħa mmorru.

Appellat ukoll lill-Ministru Herrera, li għalkemm l-immaniġġjar tat-traffiku mhux fir-responsabbiltà tad-dekasteru tiegħu, jieħu nota wkoll ta’ dan id-diżastru għall-fatt li d-deċiżjonijiet żbaljati li qed jittieħdu jħallu wkoll impatt ambjentali – iktar dħaħen riżultat ta’ traffic jams u tat-tidwir li ġie introdott fl-immaniġġjar tat-traffiku.