Lokali Parlament

Il-Gvern Laburista qed jinjora u jikser b’mod sfaċċat il-Freedom of Information Act

Il-Gvern Laburista llum qed jikser b’mod sfaċċat, jinjora u jirredikola l-Freedom of Information Act li għaddiet mill-Parlament fil-bidu tal-leġiżlatura li għaddiet minn amministrazzjoni Nazzjonalista. Dak iż-żmien, il-Partit Laburista mill-Oppożizzjoni kien qabel magħha u kien ukoll insista li jkun hemm anqas eċċezzjonijiet li fihom m’għandiex tingħata l-informazzjoni li tista’ tintalab minn kull ċittadin bis-saħħa ta’ din il-liġi.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, ikkritika fil-Parlament lill-Gvern għall-mod kif qiegħed jinjora u ta diversi eżempji kif il-Gvern qiegħed imur kontra l-ispirtu li bih tressqet din il-liġi li fissirha bħala għodda importanti ta’ kif il-gvern ikun kontabbli u trasparenti.

Meta tkellem fil-ħin tal-Aġġornament fis-seduta parlamentari tal-lum waranofsinhar, Chris Said appella lill-Gvern jassigura li din il-liġi ma tiġix interpretat b’mod ristrettiv u tintuża fl-ispirtu li għaliha saret – dik li tingħata l-informazzjoni l-aktar possibbli biex ikollna gvern trasparenti u kontabbli. Appella lill-Kummissarju tad-Data biex jara li din il-liġi tħalli l-effett tagħha.

Il-wegħdi tal-Gvern intremew il-baħar, intesew u qed isir totalment bil-maqlub
F’analiżi tal-ewwel tliet snin u tliet xhur ta’ dan il-Gvern, ix-Shadow Minister qal li l-wegħdi mhux biss ma twettqux, talli qed isir bil-maqlub. Wegħdi li ntremew il-baħar, intesew u qed isir totalment bil-maqlub. Fost dawn il-wegħdi għat-trasparenza u l-kontabbiltà, hemm il-wegħda li persuni fuq bordijiet fuq entitajiet pubbliċi jkunu magħżula b’sejħa pubblika minn nies stess – wegħda li llum intesiet u l-Gvern stess qed jipprova jnessi. Kien wiegħed ukoll li kull ftehim u kuntratt tal-Gvern jiġi pubblikat u jkun hemm traparenza assoluta u jkunu aċċessibbli.

Lista twila ta’ kuntratti li l-Gvern iffirma u sal-lum għadhom moħbija
Chris Said semma lista twila ta’ kuntratti u ftehim li l-gvern għamel u sal-lum għadhom moħbija, fosthom dawk b’rabta mal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi fosthom dawk t’Għawdex u ta’ Karen Grech; dawk marbuta mal-bini tal-power station f’Delimara u l-ftehim li bih ta garanzija bankarja ta’ €360 miljun lil kumpanija barranija biex tibni l-power station.

Il-Gvern mhux talli mhux iżomm mal-wegħda li għamel, iżda qed jagħmel minn kollox biex dawn jibqgħu moħbija, mhux ippubblikati u biex ħadd ma jkun jaf x’fihom. Għal din il-kritika li ssirlu, spjega Chris Said, il-Gvern kull darba jwieġeb li saru l-Whistleblower Act u t-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq il-politiċi. Semma li dawn liġijiet li l-Opppożizzjoni wkoll appoġġjat, ma jfissru xejn jekk il-liġi ma tkunx imħaddma kif suppost u tibqa’ biss liġi fuq il-karta u ta’ ftaħir biss.

Ix-Shadow Minister staqsa x’effett ħalliet il-liġi tal-Whistleblower hekk kif saħaq li bejn il-mod kif qed tiġi mħaddnma u dak li tgħid il-liġi, hemm jifred baħar jaqsam.

Il-Gvern irrifjuta li jikkopera mal-Ombudsman
Ikkritika wkoll il-mod ħażin ta’ kif liġijiet li għaddew mill-amministrazzjoni Nazzjonalista llum qed jiġu mħaddma. Semma l-liġi tal-Ombudsman li 20 sena ilu waqqfet l-uffiċċju tal-Ombudsman u li tat għodda importanti f’idejn il-poplu.

L-esperjenza ta’ dan l-Uffiċċju wriet li fl-aħħar xhur, meta l-Ombudsman indirizza ilmenti li tressqu minn membri tal-Armata, il-Gvern flok ikkopera irrifjuta. Dan l-aġir tal-Gvern, wassal lill-Ombudsman jagħmel kawża kontra l-Gvern.

Injorati talbiet li l-media ressqet taħt il-Freedon of Information Act
Każ ieħor klassiku hu l-liġi tal-Freedom of Inforamtion Act li l-pajjiż tant kellu bżonn u tibqa’ importanti. Fisser din il-liġi bħala għodda taċ-ċittadin biex il-poplu jistaqsi informazzjoni mingħand il-Gvern ħlief f’setturi ta’ eċċezzjonijiet bħalma huma fis-sigurtà, informazzjoni personali u ta’ data oħra li ma tkunx tista’ tingħata.

Saħaq li jekk din il-liġi titħaddem sew, tkun għodda tajba f ‘idejn iċ-ċittadin. Appella biex din il-liġi titħaddem sew mill-uffiċjali responsabbli fid-dipartiment u fil-ministeri, u biex jaraw l ma jinterpretawx il-liġi b’mod mill-aktar magħluq iżda b’mod miftuħ.

Chris Said saħaq li l-esperjenza ta’ dan il-gvern uriet li din il-liġi qed titħaddem kontra l-ispirtu li ddaħħlet il-liġi, u biex l-informazzjoni ma toħroġx għaliex il-gvern qed jinterpretaha ħażin. Liġi li hi għodda importanti għall-kontabbiltà u trasparenza. Ikkritika lill-Gvern għall-mod kif qed jinjora u jirredikola din il-liġi taħt xi skuża jew oħra. Semma kif il-gvern injora diversi talbiet li saru mill-media, fosthom talba biex tingħata l-informazzjoni ta’ dawk il-persuni li għandhom il-free travel pass biex jaqsmu b’xejn fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

Informazzjoni li kienet pubblika fil-websajt tal-Gozo Channel illum tneħħiet
Semma kif taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, din l-informazzjoni kienet imniżżla fil-websajt tal-Gozo Channel. Illum, din l-informazzjoni tneħħiet u l-Gvern la jrid jagħti l-informazzjoni fi tweġibiet parlamentari u lanqas f’talbiet li saru taħt il-Freedom of Information Act.

Saħaq li la hu l-Ministru li jiddeċiedi min għandu jingħata l-free travel pass, il-Ministru għandu jagħti din l-informazzjoni. Il-Kummissarju għad-Data u l-Informazzjoni wkoll għandu talba biex tingħata din l-informazzjoni. Semma lista ta’ talbiet għal informazzjoni li kienu rifjutati, fosthom dwar il-ftehim li għamel il-Gvern dwar il-garanzija bankarja ta’ €360 miljun lill-kumpanija Electrogas, dwar il-ftehim iffirmat ma’ Shanghai Electric dwar il-bini tal-power station, u l-inkjesta tal-inċident fl-avveniment ta’ Paqpaqli.