Il-proġett ta’ Town Square, li se jfisser fost l-oħrajn il-bini ta’ torri ta’ 38 sular f’Tas-Sliema, mhux se jiġi diskuss waqt laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar li kellha ssir għada.
Dan wara li l-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni mill-għaqda ambjentali Flimkien għall-Ambjent Aħjar abbażi tal-argument li d-diskussjoni se ssir mingħajr ma l-kuntratturi għaddew jew għamlu l-istudji kollha neċessarji.
Id-deċiżjoni ħarġet fl-istess ġurnata li numru kbir ta’ residenti ta’ Tas-Sliema, akkumpanjat minn membri tal-għaqdiet li jaħdmu favur l-ambjent, l-Erbgħa filgħaxija nġabru fi Qui si Sana f’għajta waħda kontra l-iżvilupp bla ppjanar tal-bini għoli li qed joħnoq il-lokalità.
Ir-residenti għamluha ċara li Tas-Sliema hi tagħhom, u mhux tal-iżviluppaturi, li akkużawhom li huma biss moħħhom fil-flus.
Imma fuq kollox kellhom kliem iebes fil-konfront tal-Awtorità tal-Ippjanar, li fi kliemhom tiddeċiedi bl-għaġġla u mingħajr ma jkollha quddiemha l-istudji kollha neċessarji biex tittieħed deċiżjoni.
Huma staqsew kif il-bini ta’ torrijiet jistgħu jitħallew isiru meta lanqas biss hemm masterplan, li fost l-oħrajn għandu jikxef il-problemi li binjiet simili jġibu bħat-traffiku u l-impatt fuq is-sistemà tad-dranaġġ.
Astrid Vella, minn Flimkien għall-Ambjent Aħjar, fakkret li t-turiżmu jġib lejn Malta ferm iktar flus u jimpjega ħafna iktar nies mill-kostruzzjoni, industrija li skont hi qed tnaffar lit-turisti u taqlef lir-residenti f’Tas-Sliema.
//= $special ?>