Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li “l-aqwa Kabinett u l-akbar Kabinett fid-daqs li qatt ra pajjiżna” għamel froġa anke fuq Avviż Legali żgħir bħalma hu l-Avviż Legali dwar il-billboards.
Dan iddikjarah ix-Shadow Minister Jason Azzopardi meta dalgħodu l-Parlament iltaqa’ biex jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tressqet minnu u mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus wara li fid-29 ta’ Marzu li għadda, il-Gvern daħħal fis-seħħ ir-Regolamenti tal-2016 dwar Billboards u Reklami permezz tal-Avviż Legali 103 tal-2016.
Dan hu Avviż Legali li sar mingħajr ebda konsultazzjoni pubblika inkluż mal-operaturi fis-settur u mal-korpi kostitwiti li jirrappreżentaw lill-istess operaturi u lin-nies tan-negozju. Il-korpi kostitwiti ddeskrivew dan l-Avviż Legali bħala wieħed li se jolqot b’mod gravi u dirett lill-membri li huma jirrappreżentaw u li daħal fis-seħħ b’għaġla kbira.
Avviż Legali bla ebda konsultazzjoni
L-Oppożizzjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern li dan l-Avviż Legali ser jitfa’ piżijiet u obbligi finanzjarji ġodda fuq in-negozji kif stqarrew diversi drabi l-korpi kostitwiti li jirrappreżentawhom. Bħala konsegwenza ta’ dan kollu, il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tirrimarka li diversi korpi kostitwiti talbu t-tħassir immedjat tal-Avviż Legali 103 tal-2016, u appellaw lill-Gvern biex jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa.
L-Oppożizzjoni saħqet li l-istess Avviż Legali joħnoq id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u jxekkel serjament il-ħidma li jwettqu l-partiti politiċi u organizzazzjonijiet volontarji mwaqqfa f’pajjiżna fosthom dawk imwaqqfa għal skopijiet ta’ xorta filantropika, kulturali, sportiva, edukattiva, reliġjuża, soċjali jew ċivika jew b’appoġġ ta’ kawżi oħra meritevoli.
Għaldaqstant fid-dawl ta’ dan kollu, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi appella lill-Kamra tar-Rappreżentanti tħassar, tirrevoka u tannulla l-Avviż Legali 103 tal-2016 li daħħal fis-seħħ ir-Regolamenti tal-2016 dwar Billboards u Reklami.
Jason Azzopardi sostna li l-Avviż Legali mhuwiex ġust għax bih, il-Gvern jista’ jagħmel kwalunkwe propaganda, ħafna aktar minn kwalunkwe partit politiku. Ikkritika li l-Avviż Legali sar b’għaġla. Tant hu hekk, li minkejja li l-Gvern qed jgħid li l-Avviż Legali jirrevoka lil dak ta’ qablu, fih m’hemm l-ebda klawsola li jagħmel dan. Jason Azzopardi qal li kieku veru li l-Gvern ilu jaħdem fuq l-Avviż Legali, il-GRTU u l-Kamra tal-Kummerċ ma kinux jgħidu li bdew jiġu kkonsultati issa.
Għaqdiet sportivi u volontarji qed jintlaqtu ħażin mid-deċiżjoni tal-Gvern
Jason Azzopardi semma l-ħsara li l-Avviż Legali se jagħmel, fost l-oħrajn, lill-għaqdiet sportivi. Bħala eżempju, hu semma l-każ tal-Qormi Hockey Club, li semmihulu d-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, li issa se jkollu tnaqqis drastiku fid-dħul finanzjarju għax dan isir biss permezz ta’ billboard li l-klabb għandu fil-lokalità. Dan meta, l-istess klabb ma jżommx miżati lil min jittrenja miegħu.
Bħal dan il-klabb sportiv, hemm ħafna għaqdiet volontarji u sportivi oħra li se jintlaqtu bl-istess mod minħabba dan l-Avviż Legali li sar bl-għaġla, sostna Jason Azzopardi. Hu ċaħad l-akkuża tal-Gvern li l-Oppożizzjoni ma tridx regolamentazzjoni billi saħaq li l-Oppożizzjoni trid li jintuża perjodu li matulu kulħadd ikun infurmat dwar l-Avviż Legali u biex dan isir kif suppost.
L-Avviż Legali dwar il-billboards imur kontra n-negozju
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo qal li s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri stess ammettiet li l-kliem użati f’dan l-Avviż Legali 103 ma kienx feliċi. Dan apparti l-fatt li l-Avviż Legali tal-billboards iddaħħal mingħajr konsultazzjoni, b’riżultat li t-tibdil imur kontra n-negozji.
Robert Arrigo qal li l-operaturi fis-settur tal-kummerċ spiċċaw fil-mira ta’ dan l-Avviż Lagali, u għalhekk dan it-tibdil għandu jiġi revokat. “Dan kollu juri li l-Gvern ma jikkonsultax u mhuwiex pro-business”. Robert Arrigo sostna li hemm bżonn isiru konsultazzjonijiet ta’ veru ma’ kulħadd u l-Gvern m’għandux jgħaddi romblu minn fuq kulħadd.
Fi kliem id-deputat Nazzjonalista, hu tajjeb li jiġi regolat is-settur kummerċjali “iżda mhux li tillimitah”.
L-appell ta’ Robert Arrigo kien li dan l-Avviż Legali jitneħħa u l-Gvern jerġa’ lura għat-tfassil mill-bidu.
Il-Gvern qed jilgħab mad-dritt tal-espressjoni ta’ partit politiku
Tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea li qal li dan il-Gvern qed imexxi bi stil li sejjaħ managment by crisis. Dwar l-Avviż Lagali 103, Galea qal li dan għandu jerġa’ jinkiteb mill-ġdid wara konsultazzjoni ta’ veru u mhux damage limitation. “Dan l-Avviż Legali sar b’għaġla”, sostna Mario Galea.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem dwar id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet li għandhom il-partiti politiċi. “Il-Gvern qed jilgħab mad-dritt tal-espressjoni ta’ partit politiku, u hu d-dritt ta’ kull votant li jkun infurmat.”
Ried jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni għaliex dejqitu l-kritika fuq il-billboards dwar il-Panama Papers
Mario Galea fakkar meta l-Labour kien fl-Oppożizzjoni kien joħroġ billboards bl-addoċċ fit-toroq. Dan kien biss ftit żmien ilu. Għalhekk, Mario Galea sostna li l-kritika għandha dejjem tkun tollerata. Ikkritika lill-gvern li f’paniku ħareġ dan l-Avviż legal għaliex kien qiegħed jiddejjaq bil-kritika dwar l-iskandlu tal-Panama u ried jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni.
Mario Galea insista li l-Gvern u l-Partit Laburista huma ħaġa waħda, u m’hemmx differenza. Dan ifisser li bil-fondi pubbliċi, il-Gvern Laburista jista’ jagħmel kampanji u propaganda kemm irid. “Dan m’huwiex fair playingfield”, sostna Mario Galea, filwaqt li akkuża lill-Gvern b’abbuż ta’ poter.
Il-Gvern ħass li kellu jagħmel tariffi fuq il-billboards
Il-Ministru Josè Herrera ddefenda l-Avviż Legali dwar il-bill-boards u qal li l-Gvern ħass li kellu jagħmel tarrifi fuq il-billboards li jintużaw għal raġunijiet ambjentali.
Il-Ministru Herrera spjega li t-twaħħil ta’ billboards għandhom jiġu irregolati għax iħallu impatt ambjentali. Għaldaqstant, il-Gvern ra li għandu jibda jagħmel tariffi, li jintużaw għal raġunijiet ambjentali.
Hu ċaħad il-fatt li l-Gvern qed jipprova jwaqqaf il-billboards għax permezz tal-Avviż Legali, partit jista’ jitlob permess mill-Awtorità relevanti. Min-naħa tagħha, l-Awtorità m’għandhiex għalfejn tiċħad permess għal billboard għal xi raġuni invalida.
Il-Ministru tal-Ambjent qal li ma jeskludix li fil-futur qrib, is-Segretarju Parlamentari tilleġiżla iswed fuq l-abjad għal liema raġunijiet u fejn jista’ jkun hemm rifjut. B’hekk, ikun iċċarat fejn wieħed ikun jista’ japplika għal billboard.
Tibdil fl-Avviż Legali li jirregola l-billboards fit-toroq
Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, qalet li l-Gvern se jagħmel tibdil fl-Avviż Legali li jirregola l-billboards fit-toroq.
Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Isports, Chris Agius, li qal li ħadd m’għandu jkun akbar mill-awtoritajiet. Iżda stqarr li għaqdiet sportivi għandhom ikunu eżentati mill-ħlasijiet imposti minn dan l-Avviż Legali għall-billboards li jitwaħħlu mal-kumplessi tagħhom, u indika li nurseries u għaqdiet sportivi mhux se jkunu koperti minn dan l-Avviż Legali.