Lokali

L-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa ma taqbilx ma’ dak li qal il-Gvern dwar l-għażla tal-bankarelli

Tkompli tikber is-saga tal-Monti, bil-Gvern jgħid mod u l-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tgħid mod ieħor. Dan hekk kif ilbieraħ, il-Gvern qal li l-kontejner forma ta’ nofs karozza tal-linja kien biss wiehed mill-proposti li tressqu għall-bankarelli l-ġodda. Madankollu, l-Avukat li tirrapreżenta lill-bejjiegħa qed tgiddeb lill-Gvern.

F’kummenti lil The Malta Independent, l-Avukat Claire Bonello qalet li waqt il-laqgħa fil-Ministeru ta’ Chris Carodna, ġie ppreżentat biss diżinn wieħed: tan-nofs karozza tal-linja. L-Avukat Bonello spjegat li mhux veru li d-diżinn kien wieħed minn ħafna ppreżentati lill-bejjiegħa. Saħqet li l-unika ħaġa li qalulhom kienet li dan id-diżinn jista’ jsir b’kuluri differenti.

Is-saga għall-bejjiegħa tal-Monti fil-Belt ilha għaddejja tliet snin, eżatt minn wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, bil-bejjiegħa jgħidu li l-Gvern ta’ Muscat daħak bihom.

Eżempju ċar tal-medjokrità tal-Gvern Laburista – il-PN
Sadanittant, fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Karl Gouder u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kummerċ Robert Arrigo, il-Partit Nazzjonalista qal li d-diżinn tal-barkarelli l-ġodda li għażel il-Gvern juru l-livell tal-medjokrità tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista nnota wkoll li l-Ministru Chris Cardona nqabad f’kontradizzjoni meta qal li d-diżinn żvelat minn The Malta Independent hu biss wieħed minn numru ta’ diżinni li l-Gvern ippreżenta lill-bejjiegħa tal-monti għax f’anqas minn 24 siegħa, permezz tal-Avukat tagħhom, il-bejjiegħa giddbu dak li qal Chris Cardona u nsistew li fil-laqgħat ġew ippreżentati b’diżinn wieħed biss.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jerġa’ jirtira d-diżinn tal-bankarelli li qed jipproponi u ma jerġax ikun medjokri fil-politika tiegħu. Għall-bejjiegħa tal-monti, l-għajta hi nofs il-bejgħ u l-medjokrità m’hemmx postha, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.