Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-inkjesta Dipartimentali li saret dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Toni Bezzina ma sabet ebdapa ħtija fih, anzi tgħid li “il-Perit ta każ li x-xogħol isir wara s-1.30pm”, jiġifieri wara l-ħin tax-xogħol, kuntrarju għal dak li qed jgħid il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista qed jipretendi li jqaċċat ras Toni Bezzina għaliex tilef każ ta’ libell fil-Qorti. Bl-istess raġunar tal-Partit Laburista, għandu jirriżenja nofs il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, nkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat li din is-sena wkoll, tilef każ ta’ libell.
Il-mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba f’dan il-każ huma kif, waqt li għaddejja l-investigazzjoni, l-ħaddiema biddlu l-verżjoni tagħhom, liema verżjoni nkitbet u ġiet iffirmata fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Il-Ministru Joe Mizzi għadu lanqas ma qal x’passi se jieħu fil-konfront ta’ min ta permess lill-media Laburista biex tidħol f’Dipartiment tal-Gvern biex tiprova tagħmel intimidazzjoni politika.
Dwar il-każ tas-Sindku tar-Rabat Għawdex, Samuel Azzopardi diġà għamel apoloġija pubblika u spjega kif l-inċident kien lezzjoni għalih personali u se jaħdem biex iżid l-għarfien dwar is-sewqan responsabbli. Dan hu ‘l bogħod minn dak li għamel is-Sindku Laburista Ignatius Farrugia li minkejja li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell, mhux talli żamm postu, iżda talli sab kenn sħiħ f’Joseph Muscat.
Jekk irid jibda’ jitkellem dwar standards, il-Partit Laburista għandu jneħħi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri minn ħdanu, li mhux biss ħammġu lill-Partit Laburista, iżda qed jagħmlu isem ħażin għal pajjiżna barra minn Malta.
//= $special ?>