L-Oppożizzjoni, permezz tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono u d-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, ippreżentat Mozzjoni fil-Parlament li ssejjaħ biex jitwaqqaf Kumitat Parlamentari għal skrutinju tal-persuna nnominata mill-Gvern Malti biex tkun Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
F’kumment lill-ġurnalisti, Mario de Marco qal li l-Mozzjoni qed titressaq fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji li saru fil-konfront tal-persuna li kienet qed tissemma’ li se tinħatar f’din il-kariga. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li fil-programmi elettorali taż-żewġ partiti ġie mwiegħed li jkun hemm skrutinju ta’ Kumitat Parlamentari għal persuni nominati f’karigi ta’ importanza nazzjonali, bħal fost l-oħrajn Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Kompla li l-Oppożizzjoni tistenna li l-Gvern, b’mod immedjat, jaqbel ma’ din il-Mozzjoni u tidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. Il-Mozzjoni hi ndirizzata biex iżżid it-trasparenza u l-kontabbiltà, xi ħaġa li suppost kull Gvern demokratiku jaqbel magħhom.
Min-naħa tagħha, Kristy Debono qalet li l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta hi importanti mhux biss fuq livell nazzjonali, iżda wkoll fuq livell Ewropew minħabba li min jintgħażel ikun ukoll ir-rappreżentant ta’ Malta fil-Kunsill tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Qalet li l-ġimgħa li għaddiet, waqt dibattitu Parlamentari, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna sostna li għandu jkun hemm proċess ta’ skrutinju Parlamentari meta jkunu se jsiru ħatriet ta’ din in-natura. Għaldaqstant, issa hu l-ewwel ċans biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti, bil-ħatra ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ssir wara skrutinju fil-Parlament.
Francis Zammit Dimech qal li l-Oppożizzjoni ilha xhur sħaħ issejjaħ għal skrutinju Parlamentari għal ħatriet f’karigi pubbliċi bħal din. Hu fakkar li l-Partit Nazzjonalista, fid-dokument “Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika” diġà ppropona li dawn it-tip ta’ karigi jinħatru mhux biss wara li l-persuna tkun soġġetta għal skrutinju ta’ Kumitat Parlamentari, iżda preferibbilment b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kamra.
Francis Zammit Dimech qal li l-Kumitat propost hu dak simili għall-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, jiġifieri li minbarra li jkunu jistgħu jissejħu x-xhieda quddiemu, ikun magħmul minn Chairman tal-Oppożizzjoni u maġġoranza tal-membri tal-Gvern.
Preżenti għall-preżentazzjoni tal-Mozzjoni kien hemm ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.
//= $special ?>