Internazzjonali

L-UE tlesti għal kull eventwalità minħabba l-possibbilta ta’ Brexit

epa05383409 EU Referendum beer taps are decorated with 'In' and 'Out' signs in a pub in central London, Britain, 22 June 2016. Britons will vote on whether to remain in or leave the EU in a referendum on 23 June 2016. EPA/HANNAH MCKAY

Hekk kif il-Ħamis isir r-referendum dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea, hemm tħassib dwar fejn se jmur il-vot tal-maġġoranza.
Diversi mexxejja tal-UE ilhom jinsistu li jekk il-vot ikun favur il-ħruġ mill-UE – l-hekk imsejjaħ Brexit – ma kienx hemm alternattivi. Mill-qtil tal-membru Parlamentari Jo Cox fir-Renju Unit kien hemm ċaqliqa favur is-sħubija wara ġranet ta’ żbilanċ favur il-ħruġ mill-UE. Imma għad hemm ammont sostanzjali tal-elettorat li huma indeċiżi u għalhekk is-sitwazzjoni tista’ tinbidel.
Uffiċjali tal-UE qed ilestu għall-eventwalità bla preċedent li pajjiż joħroġ mill-UE, biex ikunu lesti jirreaġixxu għall-instabbiltà fis-swieq finanzjarji u inċertezza politika kif ukoll għall-ewwel passi tad-divorżju ta’ Londra mill-UE. It-tmexxija tal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE jemmnu li l-ewwel reazzjoni tagħhom hi kruċjali għall-mod kif jisvolġu l-affarijiet jekk il-vot ikun favur it-tluq.
Il-vot se jsir il-Ħamis bl-ewwel indikazzjonijiet ta’ kif mar il-vot mas-sebħ tal-Ġimgħa. Id-deċiżjonijiet politiċi fuq livell tal-UE skont ir-riżultat imbagħad jittieħdu fis-summit tat-28 u d-29 ta’ Ġunju.