Lokali

Muscat jaħrab mill-ġurnalisti darbtejn f’temp ta’ siegħa

Joseph Muscat jaħrab mill-ġurnalisti darbtejn f’temp ta’ siegħa u jevita li jwieġeb għall-mistoqsijiet li huma fuq fomm kulħadd, jiġifieri dwar l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud. Iktar kmieni dalgħodu, il-Prim Ministru tkellem dwar is-sistema tal-pensjonijiet fil-lukanda Hilton. Lill-ġurnalisti li kienu qed jistennewh għall-kummenti, Muscat qallhom li se jagħti kummenti fil-Berġa ta’ Kastilja fejn kien se jippresiedi għall-iffirmar ta’ ftehim bejn SR Technic u l-kumpannija tal-ajru Easyjet. Iżda meta ntemmet iċ-ċerimonja ftit tal-ħin għall-ħabta tal-11.45, il-ġurnalisti resqu biex jieħdu kummenti tal-Prim Ministru iżda Muscat injora lill-media u baqa’ sejjer lejn l-uffiċċju tiegħu, bil-ġurnalisti preżenti ddiżgustati għall-fatt li Muscat ma żammx kelmtu.

L-iskandlu Alfred Mifsud kompla jiddomina l-aħbarijiet hekk kif fl-aħħar sigħat, Mifsud stess informa lill-Gvern li ma jixtieqx jibqa’ jkun ikkunsidrat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Fil-jiem li ġejjin, Alfred Mifsud kellu jiġi nominat uffiċjalment bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta iżda fl-aħħar jiem tfaċċaw allegazzjonijiet serji ta’ tixħim ta’ eluf kbar ta’ liri f’xiri ta’ software meta kien chairman tal-Mid-Med Bank f’nofs is-snin disgħin.

Ridna nistaqsu lill-Prim Ministru għaliex ma’ ħadhiex hu id-deċiżjoni u kellu jeħodha Alfred Mifsud innifsu fid-dawl tal-allegazzjonijiet li feġġew. Barraminhekk, għad mhux magħruf jekk Muscat hux se jinsisti li Alfred Mifsud jiġi sospiż mill-kariga ta’ Deputat Gvernatur Ġenerali, anki minħabba l-fatt li dan l-iskandlu issa se jiġi diskuss fuq livell ta’ Bank Ċentrali Ewropew.